Il-Gvern ġedded u saħħaħ ftehim ma’ Hospice Malta li se jassigura s-sostenn, tisħieħ u ż-żieda tas-servizzi tagħha fil-komunità.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’ hekk kif ġie spjegat li dan il-ftehim li jkopri perjodu ta’ 3 snin, sas-sena 2025 u jassigura allokazzjoni finanzjarja ta’ €1.26 miljun.
Dan ifisser żieda ta’ 30% f’finanzjament hekk kif l-aħħar ftehim kien ilaħħaq id-€960,000.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta Bernardette Bonnici Kind spjegat li permezz ta’ din is-sħubija, qed jigi assigurat aktar minn 8,000 siegħa ta’ sapport psiko-soċjali u li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-membri tal-familja, li jkunu għaddejja minn mumenti diffiċli.
Minbarra din l-għajnuna, Hospice Malta se toffri wkoll mal-15,000 siegħa ta’ sapport lill-pazjenti fir-residenzi tagħhom stress. Dan hekk kif jista’ jkun hemm istanzi fejn il-klijenti jsibuha diffiċli biex jingħataw sapport u kura barra mid-dar.
Din il-kura tinkludi maġġorment każijiet ta’ natura serja, li jinkludu mard paljattiv bħal kanċer, mard respiratorju u tal-qalb, fost oħrajn.
Fl-indirizz tieghu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-tfal Michael Falzon tenna li l-Gvern kommess li jkompli jsaħħaħ dawn il-ftehimiet soċjali, li jirrikjedu investiment u riżorsi kontinwi. Tenna wkoll il-prinċipju li jiggwida l-ħidma politika tal-Gvern, li ma’ jħalli lil ħadd waħdu.





Il-konferenza saret fis-St. Michael Hospice, li se jkun l-ewwel ċentru għall-kura paljattiva f’pajjiżna.