Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, ħabbar li, għall-ħames sena konsekuttiva, se tiġi estiża s-Sensability Scheme intiża biex tgħin fl-iffinanzjar għal kmamar apposta għal tfal jew adulti fuq l-ispettru tal-awtiżmu, l-ADHD, jew bid-Down Syndrome, fost l-oħrajn.
Sal-lum il-ġurnata, permezz ta’ din l-iskema, diġà gawdew xejn inqas minn 64 familja biex ikunu jistgħu jattrezzaw u jagħmlu użu minn multi-sensory room, li tkun tista’ tistimola s-sensi ta’ persuni simili, permezz ta’ dwal, kuluri u ħsejjes, f’ambjent sigur.
Din l-iskema qed talloka €312,000.
Biex familja tkun eliġibbli għal massimu ta’ €6,000 f’kull każ, ma jsirx means-testing u lanqas jiġi kkunsidrat id-dħul finanzjarju tagħha.
Il-Ministru Galdes qal li t-tħabbir tal-iskema, li bdiet erba’ snin ilu, kien possibbli għax il-Gvern tassew kien viċin in-nies u sema’ s-suġġerimenti u l-esperjenzi personali tagħhom.
B’hekk, din l-inizjattiva hi xhieda ta’ politika ħolistika u dinamika, li mhijiex ibbażata fuq xi statistika li ma tiġix aġġornata skont il-ħtieġa.
“U anke fix-xhur li ġejjin se naraw aktar avvanz u, għalhekk, hi waħda mill-iskemi għal qalbna, għax hi miżura soċjali, miżura li dan il-Gvern mhux biss iwiegħed, imma jwettaq dak li jwiegħed.”
Il-Ministru Roderick Galdes
Tkellimna wkoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, li ħeġġeġ lill-familji biex japplikaw għall-iskema, li tkopri l-ispejjeż kollha li tinvolvi multi-sensory room.
“Tkellimna ma’ numru ta’ familji, numru ta’ ġenituri, qed tiġini f’moħħi bħalissa storja ta’ omm li kellmitna, li għandha tfal bi sfidi sensorjali u rajna kif inpoġġu magħha u nifhmu r-realtà, realtà li qegħdin jgħixu fiha u kif nistgħu nagħmlu din il-binja proprju d-dar tagħhom.”
Matthew Zerafa Kap Eżekuttiv, Atorita tad-Djar