L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA, ġeddu mill-ġdid il-ftehim tagħhom għal erba’ snin oħra.
Dan il-ftehim se jwassal biex il-branding VisitMalta jkompli jiġi rreklamat fuq il-kit tat-timinijiet nazzjonali tal-futbol, kemm tal-irġiel u anke tan-nisa, dawk tal-futsal u tal-beach soccer.
Dan il-ftehim ġie ffirmat f’konferenza tal-aħbarijiet, li preżenti għaliha kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Carlo Micallef, sostna li jemmen li min jippreżenta lil pajjiżna hu l-aqwa ambaxxatur.
Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, ukoll sostna li t-tiġdid ta’ dan il-ftehim hu pożittiv u sostna li t-timijiet nazzjonali jagħtu viżibilità lil pajjiżna barra minn xtutna.
“Dan hu ftehim importanti ħafna għall-MFA minħabba l-fatt tal-kburija nazzjonali. Qed nitkellmu fuq it-timijiet nazzjonali ta’ pajjiżna u l-avvenimenti kbar – maskili, femminili, qed nitkellmu fuq id-dixxiplini tal-futsal, beach soccer, imma anke fil-livell taż-żgħażagħ. Għalina jfisser li dawn il-flejjes jistgħu jibqgħu jiġu investiti biex aħna nkomplu ntejbu l-proġett tekniku tagħna.”
Il-President MFA Bjorn Vassallo
Il-Ministru Bartolo sostna li, b’dan il-ftehim, qed inkomplu nwasslu l-potenzjal ta’ pajjiżna madwar id-dinja. Dan il-ftehim iwassal biex pajjiżna jġib aktar turisti u dawk il-flus jiġu investiti fin-nies.
“Aħna qed naraw ukoll li jkollna numru ta’ bed nights li jiġu ġġenerati mit-turiżmu sportiv, b’mod partikolari fl-ewwel kwart tas-sena, fejn dak hu kwart normalment kien ikun daqsxejn kajman, iżda llum il-ġurnata, grazzi wkoll għal din in-niċċa partikolari, qed naraw li qed niksbu s-sostennibiltà anke f’dawn l-ewwel xhur tas-sena biex b’hekk ikollna turiżmu sostenibbli s-sena kollha u fl-istess ħin insaħħu wkoll l-aspett sportiv f’pajjiżna.”
Il-Ministru Clayton Bartolo