Il-Gvern ġedded ftehim li kellu mal-Fondazzjoni Suret il-Bniedem li tgħin lil dawk li għal xi raġuni jew oħra jinsabu mingħajr saqaf fuq rashom.
Dan sar waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-post tal-fondazzjoni hekk kif ġie spjegat li dan il-ftehim se jkun qed isir b’finanzjament ta’ €650,000 u li jkopri perjodu ta’ tliet snin. Dan sabiex Dar Leopoldo tkompli tkun ta’ servizz.
Dwar dan tkellimna ma’ Patri Karmenu Aquilina, li huwa ċ-chairperson responsabbli ta’ din il-fondazzjoni. Huwa spjega li b’dan il-ftehim ma’ Dar Leopoldo se jkun assigurat servizz ta’ 18-il sodda f’din ir-residenza ta’ ċertu indipendenza fil-ħajja.
Ma’ ONE News Patri Karmenu spjega l-ħidma li ssir f’din id-dar sabiex tgħin tqajjem fuq saqajh lil min jiġi bżonnha.
“L-għan tagħha hija biex dawk l-irġiel li ma jkollhomx fejn joqgħodu jkunu jistgħu jgħixu hawnhekk għal perjodu ta’ żmien. Però mhux biss li jgħixu għax ħafna jaħsbu li inti tkun homeless sempliċiment sodda fejn torqod imma hemm għajnuniet oħra li hemm bċonn. Jiġifieri jkun hemm is-social workers u s-support workers jgħinu r-residenti biex nerġgħu nintegrawhom fis-soċjetà.”
Minn naħa tiegħu l-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon irrimarka l-allokazzjoni finanzjarja għal ftehimiet ta’ dan it-tip li l-Gvern alloka fl-aħħar Budget.
Dan sabiex jinżammu ’l bogħod ir-realtajiet tar-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.
“Hawnhekk qed nitkellmu fuq ftehim li jlaħħaq is-€650,000 mifrux fuq 3 snin. Ħa nkunu qed nipprovdu 18-il sodda. Illum għandna somma record allokata għal dawn it-tip ta’ investimenti. Qed nitkellmu bħala Ministeru waħedna mingħajr id-diżabilità ’il fuq minn €12-il miljun.”