Ġie mġedded ftehim soċjali mal-Fondazzjoni Jean Antide, li permezz tiegħu se jitkompla jingħata s-servizz ta’ appoġġ lill-persuni vittmi ta’ vjolenza domestika u anke lil qrabathom.
Is-servizz bl-isem ta’ ‘SOAR’, jagħti għajnuna li ddur u li hi immirata biex tiġġieled is-solitudni u l-biża’ li l-vittmi jkunu fihom. Dan ħafna drabi kawża t’esperjenzi trawmatiċi li jkun għaddew minnhom.
‘SOAR’ jgħin familji jerġgħu jqumu fuq saqajhom, għax ħafna drabi dawn il-vittmi wkoll jispiċċaw bla saqaf fuq rashom u bla xogħol, flimkien ma’ numru ta’ sfidi oħrajn. Għaldaqstant servizzi bħal dawn jibnu mill-ġdid lil dawn il-persuni, flimkien mat-tfal tagħhom.
Minbarra li jgħinu fix-xogħol tal-iskola, dan is-servizz jipprovdi wkoll social workers li jisimgħu u jifhmu l-ħtiġijiet ta’ dawn il-familji, li juru empatija u jidħlu fiż-żarbun tal-individwu u dik il-familja partikolari.
Il-ftehim ġie mġedded mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret, fis-sede tal-istess Fondazzjoni Jean Antide, li tilqa’ u tgħin lil dawn il-persuni.
Falzon spjega li, permezz ta’ dan il-ftehim, il-Ministeru Soċjali se jalloka s-somma ta’ aktar minn mija u tnejn u sittin elf ewro (€162,240) fuq medda ta’ tliet snin.
“Illum erġajna saħħaħna s-sħubija tagħna, partners, xogħol wieħed li nsaħħu s-soċjetà tagħna. Hu wieħed minn 35 ftehim li għandna mal-NGOs u hu wkoll parti mill-bagit ta’ €12-il miljun.”
Michael Falzon – Ministru
Min-naħa tagħha, id-Direttur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Jean Antide, Melanie Piscopo, spjegat kif hemm persuni li għaddew mit-tbatija tal-vjolenza domestika u li llum qed iservu ta’ pilastri ta’ saħħa għal ħaddieħor f’maltemp simili.
Piscopo qalet ukoll li matul is-sena li għaddiet, is-servizz ‘SOAR’, għamel differenza fil-ħajja ta’ mija u ħamsa u sebgħin mara u l-mija u sittin tifel u tifla tagħhom.
“Huwa sinjal inkoraġġanti li x-xogħol li qed isir min-naħa tas-survivors li qed iwassal l-għanijiet tiegħu fejn nisa u tfal oħrajn qed jingħataw sapport minn min għadda minn din l-esperjenza.”
Melanie Piscopo – Direttur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Jean Antide