Il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Għaqda Każini tal-Banda ġeddew il-ftehim li għandhom bejniethom.
Dan il-ftehim jara li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni li diġà teżisti bejn dawn iż-żewġ entitajiet filwaqt li jitfasslu skemi ta’ appoġġ eżistenti kif ukoll jitfasslu inizjattivi ġodda għall-benefiċċju tal-każini tal-banda u d-dilettanti tagħhom.
Il-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, Noel Camilleri faħħar l-impenn tal-Gvern u saħaq li dan il-qbil ikompli jżid il-valur tax-xogħol li jwettqu l-każini tal-banda.
Is-Sur Camilleri stqarr: “Hemm rikonoxximent ċar kemm il-Kunsill Malti għall-Arti jagħti l-importanza tal-ħidma tas-soċjetà tal-banda fil-komunitajiet tagħna. Għar-rigward ta’ dawn il-fondi jfisser li s-soċjetà tal-banda se jkunu jistgħu jagħmlu proġetti biex ikomplu jsebbħu u jsaħħu l-patrimonju li għandna fis-soċjetà tal-banda li jiena ngħid mhux biss huwa l-partimonju tas-soċjetà tal-banda imma wkoll il-patrimonju nazzjonali.”
Il-Ministru għall-Arti u l-Kultura, José Herrera tenna li dan il-ftehim diġà kien wassal għall-għotja ta’ madwar nofs miljun ewro mill-Kunsill Malti għall-Arti lill-Każini tal-Banda madwar pajjiżna.
Saħaq li apparti hekk, għaddejjin ukoll kollaborazzjoniet addizzjonali, li żviluppaw matul is-snin bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u xi soċjetajiet speċifiċi.
Il-Ministru Herrera qal, “Aħna bħala Kunsill Malti nikkollaboraw mal-għaqda każini tal-banda u ngħinuhom fi flus, noħorġu skemi flimkien, skedi flimkien u anke nikkollaboraw fi proġetti flimkien. Nagħtuhom l-għarfien tagħna u huma jagħtuna l-għarfien tagħhom.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall qal li dawn il-kollaborazzjonijiet huma ta’ benefiċċju kbir fi żmien fejn is-settur kreattiv u kulturali qiegħed jerġa’ jiddefinixxi lilu nnifsu sabiex isir iżjed reżiljenti u sostennibbli.