Ħidmet il-Fondazzjoni Dar San Ġużepp fost subien fi bżonn ta’ familja alternattiva jew li jinsabu f’kura ‘l barra mid-dar, se tissaħħaħ hekk ftehim mal-Ministeru għall-Familja ġie mġedded.
Id-daqqa ta’ pinna li ssiġġilat din l-għajnuna tant bżonnjuża saret fid-Dar il-Ġimgħa filgħodu fil-preżenza tal-Ministru Michael Falzon, kif ukoll tal-amministrazzjoni ta’ din ir-residenza tat-tfal, immexxija minn Fr Louis Mallia.
Il-ftehim se jkopri finanzjament ta’ €1,757,475 fuq medda ta’ tliet snin, bil-gvern iħallas medja ta’ €107 fuq kull sodda kuljum.
Il-Fondazzjoni Dar San Ġużepp tagħmel ċert li tagħti ħajja normali lil dawn is-subien, li jkunu qegħdin jiffaċċjaw sfidi fi stadju sensittiv tat-tfulija u l-adoloxxenza. Il-Fondazzjoni tipprovdi wkoll għajnuna psikoloġika, soċjo-legali u edukazzjoni fit-tul fost oħrajn lil dawn is-subien.
Il-Ministru Michael Falzon qal li x-xogħol fuq il-ftehimiet soċjali baqa’ għaddej għax il-persuni vulnerabbli ma jistgħux jistennew jew jitilfu għajnuna.
Il-Ministru Michael Falzon ħabbar li tul din is-sena, il-gvern alloka aktar minn €17-il miljun sabiex jassisti 44 NGO u għaqdiet volontarji. Dan filwaqt li tenna l-impenn tiegħu li jkompli jgħin għaqdiet bħal dawn fil-ġejjieni.
Fr Louis Mallia qal li l-Fondazzjoni San Ġużepp issib għajnuna kontinwa u spalla ta’ sapport min-naħa tal-Ministeru. Huwa saħaq illi, minkejja ż-żmien differenti li qegħdin jgħixu bħalissa, it-tfal jinsabu kuntenti ħafna.