Il-Budget 2022 se jara t-tiġdid ta’ skemi li jinċentivaw l-użu tal-enerġija nadifa.
Fost dawn hemm l-iskemi għall-investiment f’pannelli fotovoltajiċi flimkien ma’ batteriji għall-ħażna tal-enerġija, l-għotjiet fuq ir-restawr tal-bjar domestiċi u dawk fuq ix-xiri ta’ solar water heaters u heat pump water heaters.
L-iskemi tar-restawr ta’ bjar fi djar residenzjali u l-iskema ta’ tibdil u xiri ta’ reverse osmosis ukoll se jiġu estiżi.
Intant se jibqgħu jsiru żjarat fid-djar sabiex jingħataw pariri ħalli familji vulnerabbli jgħarrfu kif jużaw id-dawl u kif għandhom jagħmlu t-tibdil fil-home appliances tagħhom għal dawk aktar effiċjenti.
Organizzazzjonijiet, għaqdiet sportivi u dawk anke volontarji wkoll se jibqgħu jiġu mgħejjuna permezz ta’ skemi sabiex jinvestu f’enerġija effiċjenti.
Il-Gvern ukoll imexxi bl-eżempju hekk kif tħabbar li ġew allokati €750,000 biex fejn huwa teknikament possibbli, il-binjiet tal-Gvern jiġu mgħammra b’sistemi ta’ pannelli solari biex b’hekk parti sostanzjali tal-konsum tal-Gvern tkun ipprovduta minn sorsi rinnovabbli.