Il-Malta Enterprise u l-Kamra tal-Inġiniera (CoE) iffirmaw Memorandum of Understanding ġdid li jestendi l-kollaborazzjoni li kienet nbdiet għall-ewwel darba permezz ta’ ftehim simili fl-2022.
L-iffirmar sar bejn Inġ. Malcolm Zammit, President tal-Kamra tal-Inġiniera u s-Sur Kurt Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise.
Matul l-ewwel sena ta’ kollaborazzjoni, il-Kamra ċċirkolat mal-membri tal-professjoni tal-inġinerija diversi opportunitajiet ta’ karriera li nibtu minn inizjattivi tal-ME biex jiġu attirati kumpaniji ġodda lejn Malta u biex kumpaniji lokali jkomplu jikbru.
Barra minn hekk, il-Kamra għenet tgħati viżibilita’ għal avvenimenti tal-ME għal-istart-ups fost il-professjoni tal-inġinerija.
Iktar viżibilita’ għall-inġiniera dwar karrieri ma’ investituri barranin u kumpaniji lokali
Kurt Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, qal li: “Permezz ta’ dan il-ftehim ta’ kollaborazzjoni mal-Kamra tal-inġiniera, il-professjonisti tal-inġinerija se jkunu esposti għal opportunitajiet li jistgħu jsaħħu il-karrieri f’industriji fejn hemm bżonn il-kompetenza teknika tagħhom. Dan jaqbel sew mal-isforzi tagħna biex nattiraw aktar investimenti barranin diretti li jżidu l-valur u nibnu l-ħila teknika tas-suq tagħna”
Inġ. Malcolm Zammit, il-President tal-Kamra tal-inġiniera, qal li: “Il-Kamra qed tkompli taħdem biex tesponi lill-membri tagħha għal opportunitajiet li jistgħu jtejjbu l-karrieri tagħhom. Il-kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise ser tgħin biex tippromwovi l-opportunitajiet tal-industrija f’ setturi li huma ibbażati fuq teknoloġija u li għandhom bżonn l’ kapaċita’ tal-inġinerija lokali. Inħarsu ’l quddiem biex din il-kollaborazzjoni titkompla biex dejjem nkunu eqreb tal-industrija.”