Matul dawn l-aħħar 3 snin, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat 12-il elf applikazzjoni ta’ sidien ta’ djar li kellhom żvilupp irregolari fil-proprjetà tagħhom.
Fi stqarrija l-Awtorità qalet li matul dawn it-3 snin waslulha aktar minn tlettax-il elf applikazzjoni minn sidien li riedu jirregolarizzaw żvilupp li ma setax jiġi ssanzjonat.
L-awtorità approvat l-aktar proprjetajiet li kellhom kwistjonijiet marbuta mal-liġijiet tas-sanità bħala btieħi li ssaqqfu bla permess.
Fi stqarrija, ħabbret li kienet qiegħda ġġedded għal-sena oħra din l-iskema. Qalet li t-tariffi li jintalbu jħallsu l-applikanti se jibqgħu l-istess bħas-sentejn li għaddew u għalhekk mhux se jintalbu jħallsu soprataxxa ta’ 25 fil-mija hekk kif kien ippjanat.
Minn din l-iskema l-awtorità daħlet madwar 29 miljun ewro li qed jerġgħu jintraddu lill-poplu permezz ta’ skemi differenti.
Fost dawn hemm l-iskema popolari ‘Irrestawra Darek’, li qed tara numru ta’ persuni jingħataw għotja sostanzjali sabiex jirrestawraw darhom.
Dan filwaqt li 20% tad-dħul qed imur f’fondi għall-kunsilli lokali biex jużaw għal proġetti ta’ fejda biex isebbħu l-lokalitajiet tagħhom.
L-awtorità qalet li l-iskema tkopri biss proprjetajiet li jinsabu fiż-żoni tal-iżvilupp u li jidhru fir-ritratti mill-ajru li għandha l-awtorità meħudin lura fl-2016.
Apparti dan l-illegalità ma tridx taffettwa l-kumdità tal-propjetà ta’ terzi u l-użu tal-post irid ikun skont ir-regolamenti.