Wara li iktar kmieni din is-sena saru riformi fil-Kostituzzjoni ta’ Malta biex tbiddel u ttejjeb il-metodu tal-ħatra ta’ Maġistrati u l-Imħallfin, il-Kumitat il-ġdid dwar il-ħatriet tal-ġudikatura fassal għaxar kriterji li kandidat għall-bank ta’ ġudikatura għandu jissodisfa.
Dawn il-kriterji ġew approvati mill-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, li beda l-proċess biex dawn ikunu ppubblikati fil-gazzetta tal-Gvern.
Il-kriterji huma;
Rekwiżiti ta’ Eliġibilità
• Numru ta’ snin ta’ prattika tal-professjoni ta’ avukat f’Malta kif stabbilit fil-Kostituzzjoni.
• Fiż-żmien tal-evalwazzjoni, il-persuna jrid ikollha warrant validu biex tipprattika ta’ Avukat f’Malta u ma tridx tkun soġġetta ghal divjet legali milli tieħu l-kariga fil-Ġudikatura.
Kriterji ta’ Evalwazzjoni
• Ħila li l-persuna tesprimi ruħha bil-lingwa Maltija u bil-lingwa Ingliża u li tikkommunika b’mod ċar u suċċint;
• Integrità, rettezza u onestá fil-ħajja pubblika u privata;
• Għarfien tal-liġi, tal-prattika tal-Qrati u esperjenza professjonali;
• Bżulija, kapaċi taħdem taħt pressjoni ta’ xogħol, diliġenza, ħila analitika u li tiddeċiedi;
• Imparzjalità u indipendenza;
• Assenza ta’ involvement f’attivitá kummerċjali jew ta’ negozju jew ta’ sitwazzjoni finanzjarja li tqanqal dubji dwar il-ħila tal-persuna li twettaq id-dmirijiet ġudizzjarji b’mod xieraq;
• Ħila li l-persuna taħdem f’ambjent ta’ ħidma kolleġġjali;
• Għarfien tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Membri tal-Ġudikatura u disponibbilità għal żvilupp professjonali u kontinwu.
Din hija l-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna li tfasslu u ppubblikati kriterji ċari u pubbliċi għall-għażla ta’ membri fuq il-bank tal-ġudikatura.
Il-Kumitat huwa magħmul minn persuni li jgawdu awtonomija sħiħa mill-Gvern tal-ġurnata, li huma: il-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-Awditur Generali, l-Ombudsman u l-President tal-Kamra ta’ l-Avukati.
B’hekk kompliet tkun implimentata parti kruċjali tar-riforma fil-Qasam tal-Ġustizzja.
Intant, wara konsultazzjoni mal-Kumitat dwar il-ħatriet tal-ġudikatura, il-Ministru Bonnici ħatar lis-Sur Frankie Mercieca, preżentament Direttur Ġenerali tal-Qrati tal-Gustizzja, bħala l-ewwel Segretarju ta’ dan il-Kumitat.