Ġie mfassal taħriġ speċifiku għall-membri eletti u amministrattivi tal-Kunsilli Lokali, fosthom Sindki, Viċi Sindki, Kunsilliera u Segretarji Eżekuttivi.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, waqt konferenza mtella’ mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.
Dan it-taħriġ kontinwu jirrelata direttament mal-irwol tal-individwi, u jindirizza l-għanijiet fil-Viżjoni Strateġika Nazzjonali għall-Gvern Lokali.
Is-Segretarju Parlamentari spjegat li permezz tat-Training Needs Analysis ġew identifikati ċertu ħiliet li hemm bżonn aktar taħriġ dwarhom u b’hekk ġie mfassal taħriġ li se jgħin lil min jaħdem fil-Kunsilli Lokali.
Hi saħqet li dan it-taħriġ, waqt li se jkompli jikkumplimenta u jtejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema, se jgħolli l-livell tas-servizz li jingħata mill-Kunsilli Lokali.
Qalet, “Il-viżjoni strateġika tal-Gvern Lokali titkellem dwar l-importanza ta’ taħriġ kontinwu fil-qasam tal-Gvern Lokali. Għaldaqstant, il-viżjoni tal-Gvern Lokali ħadet ħsieb li ‘Training Needs Analysis’ biex is-Segretarji Eżekuttivi u dawk eletti fil-Kunsilli Lokali, jiġi mfassal taħriġ għalihom, skont il-bżonnijiet biex inkomplu nsaħħu dan il-qasam tal-Gvern Lokali.”
Din il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mid-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Kunsilli Lokali, Emil Vassallo.