Il-Ġimgħa, pajjiżna fakkar il-mitt sena mill-irvellijiet tas-Sette Giugno, li ħallew tliet irġiel Maltin mejta u ieħpor midrub serjament, tant, li ċeda għall-ġrieħi li ġarrab jiem wara.
Wara li kien ogħla l-prezz tal-ħobż u l-poplu kien għadu qed ibati l-għaks tal-Gwerra l-Kbira, nhar is-7 ta’ Ġunju 1919 il-Maltin qamu kontra l-Kuruna biex jitolbu demokrazija parlamentari.
Dawn niżlu fit-toroq tal-Belt Valletta waqt li kienet qed tiltaqa’ l-Assemblea Nazzjonali.
Hawnhekk, l-Ingliżi rrittaljaw, fetħu n-nar fuq il-folla, u qatlu tliet persuni: Manwel Attard, Ġużè Bajada, u Wenzu Dyer. Malti ieħor, Carmelo Abela, ċeda għall-ġrieħi serji li ġarrab jiem wara, u baqa’ mfakkar bħala r-raba’ vittma tal-irvellijiet tas-Sette Giugno.
Bis-saħħa ta’ dan il-pass storiku, għall-ewwel darba Malta kisbet id-dritt ta’ Gvern Amministrattiv u kostituzzjonali bl-ewwel membri parlamentari eletti mill-Poplu Malti. Il-Professur Ray Mangion jgħid li din il-ġrajja kienet kruċjali sabiex pajjiżna seta jikseb iżjed kisbiet fis-snin ta’ wara.
Qal li “mill-ewwel kellna l-ewwel forma ta’ awto-gvern ta’ gvern responsabbli, imbagħad fuq dak bqajna nibnu anke bit-tlajja’ u nżul, imma kien xpruna ħafna għall-aktar drittijiet u l-obbligi tagħna kostituzzjonali.”
Il-Professur Ray Mangion jisħaq li minkejja li għaddew mitt sena din il-ġrajja xorta waħda tibqa’ valida għal ġurnata tal-lum u għas-snin li ġejjin.
Iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta ma’ dan il-jum bdew il-Ħamis filgħaxija b’ċerimonja uffiċjali quddiem il-monument tas-Sette Guigno fi Pjazza San Ġorġ. Ċerimonja li għalija attendew l-ogħla uffiċjali tal-Pajjiż fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat. Kollox beda b’parata mill-banda tal-Pulizija tul triq ir-Reppiblika li ntemmet f’Misraħ San Ġorġ.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia ta ħajr lil ħutna li mal-milja taż-żminijiet iġġieldu għad-drittijiet tagħna l-Maltin, u dwar kif il-Parlament Malti jista’ jibqa’ jevolvi maż-żminijiet. Fost oħrajn semma’ l-abbuż mill-privileġġ parlamentari tad-Deputati. Qal li minkejja li dan il-privileġġ irid jibqa’ jiġi ssalvagwardjat xorta jrid jidħol mekaniżmu għal dawk il-membri tal-pubbliku li jkunu ssemmew minn deputati. Qal li sakemm jinstab mekkaniżmu għaqli li jissalvgwardja iż-żewġ naħat, għandu jingħata dritt għar-risposta lil pubbliku.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia sostna “nemmen li wasal iż-żmien li nikkunsidra li npoġġi fuq il-mejda tal-kamra kull ilment tal-pubbliku bil-miktub li jħossu nġurjat, biex tal-anqas ikun hemm notifika.”
Qal li dan minkejja li jibqa’ jissalvgawrdja d-drittijiet tal-membri, jassigura li ma jsirx abbuż minn dan il-privileġġ.
L-Ispijker Anġlu Farrugia rreffera wkoll għan-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa il-Parlament. Qal li huwa fenomenu li ilna narawh minkejja l-fatt li l-mara ġiet mogħtija d-dritt tal-vot kif ukoll id-dritt tal-kandidatura sa mill-1947. Dr. Farrugia qal kif dan in-nuqqas joħroġ fid-deher meta niġu mqabbla ma’ pajjiżi oħra. Wara d-diskors ġew impoġġija l-fjuri mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż f’riġlejn il-monument f’Misraħ San Ġorġ.
Iċ-ċelebrazzjonijiet b’rabta ma’ din il-festa komplew il-Ġimgħa filgħodu bi programm ta’ marċi tul Triq ir-Reppublika mill-Banda King’s Own tal-Belt Valletta. Wara ndaqq l-innu Malti quddiem il-monument u tpoġġew fjuri mill-Kumitat Festi Nazzjonali.Waqt Quddiesa fi ċ-Ċimiterju tal-Addolorata li fakkret l-erba’ vittmi, l-Arċisqof Charles Scicluna fakkar li dawn ir-rewwixti wasslu għal Kostituzzjoni għal Malta sovrana. Huwa semma kif illum, mitt sena wara, għandna nkunu aħna li nimpenjaw ruħna għal soċjetà aktar ġusta.
Wara l-quddiesa tqegħdu fjuri fuq il-qabar tal-erba’ vittmi.