Malta fakkret il-vittmi taż-żewġ Gwerer Dinjija f’quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann li tmexxiet mill-Arċisqof Charles Scicluna. Għal din attendew il-President ta’ Malta George Vella u martu, is-Sinjura Miriam Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia, flimkien mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.
Fl-omelija, l-arċisqof Charles Scicluna tkellem dwar l-importanza li nitgħallmu mill-iżbalji ta’ dawk li ġew qabilna, u li dan il-jum jibqa’ sinifikanti għax m’għandna qatt ninsew l-orrur li ġabet magħha l-gwerra. Hawn spikka wkoll kliem dwar il-pandemija u kif din tista’ turina s-sbuħija tal-għożża u s-solidarjetà ma’ xulxin, minkejja li hija sfida. L-Arċisqof tenna li d-dover tagħna li niftakru ma jxekkilniex mid-dover li nkomplu naħdmu għal iktar paċi fid-dinja.
L-Arċisqof stqarr: “Illum għandna d-dover niftakru, għandna d-dover ta’ kull sena nagħmlu Jum it-Tifkira, għaliex din il-memorja tgħinna nibnu għal xulxin futur aħjar.”
Wara l-Quddiesa, l-Prim Ministru flimkien mal-President, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Ispeaker tal-Parlament, imxew lejn il-monument tal-Gwerra fil-Furjana fejn iddedikaw girlanda tal-fjuri lill-vittmi tal-gwerer.
Malta, f’isem il-pajjiżi Ewropej li jagħmlu parti mill-Commonwealth fakkret lill-vittmi tal-Gwerra wkoll waqt iċ-ċerimonja nazzjonali ta’ Jum it-Tifkira f’Londra.