Il-memorja ta’ dawk li taw servizz lil pajjiżna fil-gwerer ġiet onorata f’ċerimonja qasira iżda b’tifsira kbira li tmexxiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici, fl-okkażjoni ta’ Jum it-Tifkira.
Iċ-ċerimonja saret fil-Kappella ta’ Sant’Anna fil-Forti Sant’Iermu, fejn hemm taqsima speċjali tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra msejħa Memorjal.
Fiċ-ċerimonja – li saret b’kollaborazzjoni bejn Heritage Malta, il-Kumitat Festi Nazzjonali u Festivals Malta – sar tqegħid ta’ fjuri, inżammet minuta silenzju, u ndaqqew il-Last Post u r-Reveille minn membri tal-Korp tal-Pulizija.
F’diskors li għamel, il-Ministru Bonnici tenna li d-dedikazzjoni ta’ dawn in-nies lil pajjiżna mhi se tintesta.
Wara ċ-ċerimonja, il-Ministru Bonnici ddawwar mal-Memorjal minn Emmanuel Magro Conti, Kuratur Anzjan ta’ Heritage Malta għall-Palazzi u l-Militar.
Il-kollezzjoni estensiva ta’ midalji f’din it-taqsima tinkludi dawk li ngħataw lil persuni li kienu fis-servizz, jiġifieri fl-Army, fin-Navy u, aktar tard, fl-Air Force tar-Renju Unit, kif ukoll għadd sostanzjali ta’ midalji li ngħataw lil persuni ċivili. Kull midalja hija akkumpanjata minn tagħrif kemm dwar għala u meta kienet tingħata kif ukoll dwar l-individwu li rċevieha.
Minbarra l-midalji, fil-Memorjal hemm esebiti wkoll diversi artefatti oħra, fosthom buzzetti ta’ monumenti marbutin ma’ gwerer u plakki li ngħataw matul iż-żmien lill-Mużew minn ex-servicemen anzjani li bihom xtaqu jfakkru lil sħabhom li mietu fil-gwerra.