It-80 anniversarju tal-għarqa ta’ HMS Urge tfakkar permezz ta’ kxif ta’ monument mill-President ta’ Malta, George Vella, flimkien mal-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit, Katherine Ward. Il-monument ifakkar il-mewt tal-ekwipaġġ abbord.
Waqt avveniment ta’ tifkira fil-Forti Sant’Iermu, il-Belt, il-President Vella qal li s-suldati li tilfu ħajjithom fl-HMS Urge għamlu sagrifiċċji enormi biex iżommu mal-ġurament ta’ lealtà għar-responsabbiltajiet militari u navali li kienu daħlu għalihom meta daħlu fis-servizz.
Il-President qal kif bħala pajjiż li d-difiża tiegħu ġiet mħarsa minn individwi ta’ kuraġġ b’determinazzjoni kbira, huwa aktar minn xieraq biex jinħoloq dan il-monument bħala tifkira tal-memorja tagħhom biex ma jiġux minsija.
Il-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit, Katherine Ward, qalet li din il-kommemorazzjoni tenfasizza r-rabtiet qawwija u dejjiema bejn ir-Renju Unit u Malta. Hija esprimiet it-tama tagħha li l-monument jibqa’ jagħti xhieda dejjiema tal-ekwipaġġ.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li din l-kommemorazzjoni hija tislima xierqa lill-memorja ta’ dawk li tilfu ħajjithom dakinhar.
Iċ-Chairman tal-Heritage Malta qal li ċ-ċerimonja tal-kxif ippreżentat opportunità unika biex turi s-sbuħija storika ta’ Malta u l-ospitalità magħrufa sew tagħha.
Il-fdalijiet tas-sottomarin HMS Urge u l-post fejn intilef l-ekwipaġġ tiegħu ġew skoperti permezz ta servej b’telerilevament li sar barra mill-Port il-Kbir fl-elfejn u dsatax.
Kien proprju sentejn wara li tim ta’ bugħaddasa tal-Heritage Malta u l-Università ta’ Malta, immexxi mill-Professur Timothy Gambin, niżel f’qiegħ il-baħar u identifika b’mod konklużiv li l-fdalijiet kienu fil-fatt tal-HMS Urge.