Il-Ħadd filgħodu, Malta sellmet il-memorja ta’ dawk li tilfu ħajjithom matul iż-żewġ gwerer dinjija.
Din iċ-ċerimonja bdiet b’quddies fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, ikkonċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna.
Fl-omelija, l-Arċisqof semma dak Ii qed jiġri qrib tagħna, kemm fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani.
Hawnhekk ikundanna l-qtil tal-persuni f’Iżrael u b’mod speċjali f’Gaza, fejn inqatlu mal-għaxart elef Palestinjan, b’erbat elef minnhom huma tfal.
Qabel il-quddies, il-President ta’ Malta George Vella ntlaqa’ minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, fejn indaqq l-innu Malti u wara spezzjona l-gwardja tal-unur.
Wara l-quddies, iċ-ċerimonja kompliet quddiem il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana, fejn l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President George Vella u l-Prim Ministru Robert Abela poġġew kuruni tal-fjuri.
Wara ajruplan għadda minn fuq il-post u xeħet mijiet ta’ pepprin – sinonimu ma’ din it-tifkira tal-eluf ta’ persuni li xerrdu demmhom f’dawn iż-żewġ gwerer.