It-Tlieta ġew imfakkra l-erwieħ kollha fejn bosta nies sellmu l-memorja ta’ dawk li ħallew din id-dinja, b’ċelebrazzjonijiet differenti skont il-kulturi tal-pajjiż.
Din l-okkażjoni hija maħsuba li oriġinat fil-Messiku, fejn fil-kultura Ażteka, kien maħsub li l-mewt hija fażi ta’ tranżazzjoni, u l-irwieħ tal-mejtin se jiġu lura biex ikunu mal-ħajjin.
Fil-fatt, din l-okkażjoni tibqa’ mfakkra fil-Messiku, u hija festa li tattira ħafna turisti kull sena, u anke qabdet l-attenzjoni ta’ films kbar f’Hollywood.
Fis-seklu sittax, din it-tradizzjoni ġiet introdotta fil-kalendarju Kattoliku, hekk kif l-imperju Spanjol sab ruħu fil-kontinent Amerikan, biex b’hekk issa din il-ġurnata hija magħrufa bħala Jum l-Erwieħ kollha.
F’Malta, bosta Maltin iżuru l-oqbra tal-għeżież tagħhom, u jiftakru l-memorja tagħhom.
F’Ħal Tarxien, fiċ-Ċimiterju tal-Erwieħ kollha, ONE News żar dan is-sit, fejn bosta oqbra kellhom il-fjuri u xemgħat mixgħulin.
F’quddiesa fl-istess ċimiterju, l-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna qal li dan il-jum mhux biss ifakkar lil dawk li mietu, iżda huwa ċans ta’ riflessjoni fejn wieħed jaħseb fuq mewtu wkoll.
Qal, “Dan il-jum mhux biss ifakkarna fil-bieb li għaddew minnu ta’ qabilna imma jfakkarna li fuq il-bieb tagħna, il-Mulej se jħabbat. Meta ma nafux, imma se jħabbat żgur.”