Is-26 ta’ Lulju tal-1923, propju mitt sena ilu, twieled it-tenur u attur Malti, Oreste Chircop.
Chircop jibqa’ magħruf l-aktar għas-sehem li kellu fil-film ta’ Hollywood, ‘The Vagabond King’.
Huwa għamel id-debut tiegħu fl-opera fil-25 ta’ Frar tal-1945 fir-Radio City fil-Ħamrun.
Dwar Oreste Chircop, ONE News tkellem mal-kritiku tal-films, Mario Azzopardi.
Qal, “Oreste Chircop saħħar ħafna udjenzi hawn Malta, barra minn Malta, Covent Garden u ħafna postijiet oħrajn. U fi żmien meta f’Hollywood kien hemm Mario Lanza, li kien qiegħed naturalment fuq fomm kulħadd u n-nies riedu jmorru jaraw il-films tiegħu, speċjalment dawk li kien mal-MGM, il-kumpaniji rivali riedu lil xi ħadd li huwa bħalu jew joqrob lejh.”
Irrakkonta kif il-kumpanija Paramount avviċinaw lill-attur Malti.
Stqarr, “Eventwalment, imbagħad f’April kien iddebutta ġewwa Londra l-film ‘Vagabond King’, fejn Oreste kellu parti prinċipali u eventwalment ħareġ imbagħad ġewwa l-Amerka.”
Azzopardi qal li f’intervista li għamillu fid-disgħinijiet, Chircop kellu dispjaċir wieħed li wasal tard f’Hollywood.
Qal, “Mario Lanza beda jkollu l-problemi mal-kumpanija tiegħu u qisu l-udjenza Amerikana qisha riedet timxi lil hinn minn dawn it-tip ta’ films. Bdew ġejjin atturi ġodda, żgħażagħ ribelli. Eventwalment fil-film ‘Vagabond King’ huwa ribelli, il-parti li huwa ribelli. Imma qishom riedu dan it-tip ta’ atturi.”
Oreste Chircop żżewweġ lil martu Therese u kellhom iż-żewġt itfal.
Huwa rtira mill-kant fl-età ta’ 37 sena fl-1960 minħabba problemi f’qalbu.
Chircop miet fl-eta ta’ 74 sena fl-10 ta’ Mejju tal-1998.