Is-sena elfejn u tmintax rat ukoll għadd ta’ persuni li ħallew marka f’pajjiżna jew lil hinn minn xtutna jħallu din id-dinja.
Minn politikanti, għall-atturi, kantanti, artisti u attivisti f’diversi oqsma., fosthom dawk soċjali.
It-tabib u l-politiku ġentlom Vincent Moran miet fl-għoxrin ta’ Novembru. Kienu bosta li taw tislima lil eks Ministru Laburista f’Raħal Ġdid. Il-Professur Anġlu Psaila, persuna li ħalla wirt ta’ għerf fil-qasam mediku ħalla din id-dinja f’Settembru.
Huwa kien vuċi u wiċċ magħruf fuq l-istazzjoni ONE u eluf ta’ studenti u pazjenti gawdew mid-dedikazzjoni tal-Professur Psaila. Fil-bidu ta’ din is-sena li waslet biex tintemm miet l-Isqof Silvestru Magro.
L-Isqof Magro serva bħala Vigarju Appostoliku ta’ Bengażi fil-Libja għal snin twal fosthom fi żmien il-kriżi politika tal-Libja fl-elfejn u ħdax. L-eks deputat Laburista George Gatt ħalla din id-dinja fis-sebgħa u għoxrin t’Ottubru.
Gatt kien beda wkoll negozju tal-familja li għamlu wieħed mill-kuntratturi ewlenin fl-oqsma tal-kostruzzjoni u l-infrastruttura. Matul l-elfejn u tmintax miet ukoll Charles Miceli, attivist soċjali u kien vuċi importanti favur il-foqra u l-ġustizzja soċjali.
Anġlu Zahra, filantropu u President tal-bord tad-diretturi ta’ Dar Nazareth ħalla din id-dinja wkoll matul din is-sena, f’dik deskritta bħala telfa għall-volontarjat.
Joe Sultana, attivist favur l-ambjent miet f’Settembru li għadda filwaqt li Anton Agius Muscat, attivist fil-moviment favur il-Malti miet aktar kmieni din is-sena.
Il-Fundatur tal-Moviment ta’ Kana Fr. Charles Vella miet fl-età ta’ disgħa u tmenin sena filwaqt Anton F. Attard, storiku Għawdxi magħruf għall-kitbiet u r-riċerki tiegħu miet fl-età ta’ ħamsa u sebgħin sena.
Mix-xena tal-ispettaklu forsi l-akbar telfa li baqgħet tissemma kienet dik ta’ Tony Camilleri magħruf bħala l-Bayzo.
Kantant marbut sew mar-rock opera Ġensa miet fl-ewwel jum ta’ Frar. F’Mejju mietu tliet persuni li lkoll ħallew marka fl-oqsma tagħhom. Fl-ewwel ta’ Mejju miet it-tenur u l-preżentatur Lino Gatt, tmien t’ijiem wara miet ix-xandar fuq ir-radju Twanny Scalpello filwaqt li ftit wara miet l-atturi Charles Thake.
Fix-xena artistika wkoll tlifna nies Maltin li ħallew marka. F’Lulju miet l-iskultur Gabriel Caruana, pijunier fix-xena lokali tal-arti filwaqt li Renzo Gauci, skultur ieħor magħruf għal xogħol ta’ restawr fuq l-iskulturi miet fix-xahar ta’ wara.