Fil-Kon-Katidral ta’ San Gwann, il-Belt, ittella’ kunċert biex ifakkar is-75 anniversarju mill-mewt ta’ wieħed mill-Kompożituri kbar Maltin, iż-Żejtuni Carlo Diacono.
Il-kunċert, organizzat mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, wassal l-Oratorju “San Paolo Evangelizza I Maltesi” – San Pawl iħabbar il-Vanġelju lill-Maltin.
Ħadu sehem l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, mmexxija mid-Direttur Michael Laus u bis-sehem tal-Goldberg Ensemble u s-Solisti Miriam Cauchi, Sopran; Claire Massa, Mezzo-Sopran; Cliff Zammit Stevens, Tenur; Alfred Camilleri, Baritonu u Albert Buttigieg, Baxx. Għal din l-okkażjoni attendiet apposta bint il-Kompożitur, li ġiet għall-kunċert minn barra minn pajjiżna.
F’kelmtejn qabel il-kunċert, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonniċi ta ħarsa lejn il-ħajja tal-Kompożitur u wkoll iddeskriva l-kunċert bħala festa favur il-mużika, favur il-kreattività, u favur il-Wirt Kulturali Malti.