Is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza fakkar Jum il-Missier b’diskussjoni pubblika li serviet ta’ riflessjoni dwar ir-realtajiet u l-isfidi li l-missirijiet qed jiffaċċjaw f’dawn iż-żminijiet.
Fost it-temi diskussi, kien hemm dik dwar il-ħtieġa dejjem tikber biex ikun hemm il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja u l-importanza tal-preżenza u s-sehem attiv tal-missier fit-trobbija tat-tfal. Ġew indirizzati wkoll il-preġudizzji jew stigma li kien hemm fl-imgħoddi jekk raġel jagħmel xogħol li tradizzjonalment kien isir min-nisa.
Fl-intervent tagħha, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg saħqet li qatt daqs illum ma hemm il-ħtieġa ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. Hija qalet li dawn huma essenzjali anke għaliex ir-rata ta’ parteċipazzjoni tal-mara fl-età bejn il-ħmistax u l-erbgħa u sittin sena fl-ekonomija hija ta’ aktar minn 72% skont statistika maħruġa mill-NSO, li hija rata aħjar mill-medja Ewropea.
Matul din il-konferenza kien hemm ukoll diversi membri li jirrappreżentaw għaqdiet mhux governattivi, inkluż rappreżentanti mill-għaqda Nanniet Malta, rappreżentanti tal-unjins tal- ħaddiema, u negozjanti.