Fil-ġnien ta’ Hastings qed issir ċerimonja kommemorattiva li tfakkar nhar is-7 ta’Ġunju – festa nazzjonali li titfakkar il-mewt ta’ erbgħa Maltin waqt irvellijiet fil-Belt Valletta.
Fis-7 ta’ Ġunju 1919 kienet qed issir it-tieni laqgħa tal-Assemblea Nazzjonali fil-belt Valletta meta folla kbira nġabret il-belt stess bħala turija ta’ appoġġ. Il-folla tilfet il-kontroll meta rat li xi ħwienet ħallew il-bandiera Ingliża tittajjar fuq il-bjut. Meta l-pulizija Maltija ma setgħetx tikkontrolla l-folla, ssejħu s-suldati Ingliżi li sparaw fuq il-folla.
Waqt iċ-ċerimonja l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia esprima qbil tiegħu li l-monument li jfakkar is-7 ta’ Ġunju ikollu post xieraq, għaliex huwa simbolu tal-mixja Parlamentari tal-pajjiż. Tkellem dwar il-kunċett ta’ governanza tajba u saħaq li l-korrettezza fil-governanza għandha tkun kredibbli.
F’dan id-dawl semma l-passi kbar li seħħew fil-Parlament, fosthom li seduti qed ikunu trasmessi b’mod dirett u li qed tingħata attenzjoni għall-arkivji tal-Parlament.