Fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-Pagi Indaqs, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rċiviet lis-Sinjura Stephanie Falzon, President tan-Nisa Kummerċjanti u Professjonali (BPW) f’Malta u ġiet ippreżentata b’ labra simbolika “prtmoni aħmar” li tenfasizza d-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel.
Il-President innotat li għalkemm matul dawn l-aħħar ftit snin Malta kellha u għad għandha waħda mill-inqas diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi fl-Istati Membri tal-UE – fl-aħħar kwart tal-2016 kien hemm differenza ta’ 6.1% bejn is-salarji li rċevew l-irġiel u n-nisa, skont l-aħħar informazzjoni mill-Eurostat ippubblikata fl-2016.
Għalkemm din id-differenza hija ħafna inqas mill-medja tal-UE, li hija ta’ 16.1%, il-President qalet li għandna bżonn nindirizzaw din id-diskrepanza biex ma tħallix tiżdied.
Il-President Coleiro Preca qalet li d-differenzi fil-pagi bejn is-sessi jwasslu wkoll għall-femminizzazzjoni tal-faqar, jekk mhux indirizzata fil-ħin.
Ir-riskju li d-diskrepanzi fil-pagi bejn is-sessi jwasslu għall-femminizzazzjoni tal-faqar huwa ddikjarat b’mod ċar fir-Rapport tal-2017 tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel fl-UE.
Il-President Coleiro Preca appellat lil dawk kollha li għandhom rwol importanti fil-qasam tax-xogħol biex jiżguraw li fejn id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel teżisti, tiġi indirizzata.