Malta, bħall-kumplament tal-Ewropa, fakkret il-ġurnata Ewropea kontra l-esplojtazzjoni u l-abbuż sesswali fuq it-tfal.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-Iskola Primarja tan-Naxxar, tqassmu kotba għal tfal ta’ 7 snin bl-isem ta’ Kiko u l-Ħafnajien, li l-għan ewlieni tagħhom hu li joħolqu aktar għarfien dwar x’imġiba u x’attitudni hija aċċettabbli u dik li mhix fil-konfront ta’ tfal f’etajiet teneri.
Il-Ministru Michael Falzon, flimkien mal-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli, żaru, tkellmu u qassmu dawn il-kotba lit-tfal f’din l-iskola. Dawn il-kotba se jkunu qed jitqassmu fost it-tfal kollha li għandhom 7 snin f’Malta u f’Għawdex.
Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar l-importanza ta’ aktar edukazzjoni dwar is-suġġett sa minn etajiet żgħar, sabiex ikun żgurat il-ħarsien tat-tfal minn kull aspett negattiv li jistgħu jiltaqgħu miegħu. Hawnhekk enfasizza dwar kemm huwa importanti li qatt ma jkun hemm abbuż fuq it-tfal, speċjalment mis-circle of trustli t-tfal ikunu fih.
Il-Kummissarju tat-Tfal Pauline Miceli qalet li l-irwol tagħha hu li toħloq aktar kuxjenza dwar id-drittijiet tat-tfal permezz ta’ aktar ħarsien, provediment u parteċipazzjoni tat-tfal stess meta d-deċiżjonijiet jirrigwardaw lilhom direttament.
Il-Kap tal-Iskola Primarja tan-Naxxar Renzo Galea tkellem dwar realtajiet bħall-midja soċjali, fejn it-tfal huma kontinwament esposti għall-perikli marbuta ma’ esplojtazzjoni u kull forma ta’ abbuż sesswali ieħor onlajn.
Għalhekk hemm bżonn ta’ aktar koordinament u komunikazzjoni bejn it-tfal, il-ġenituri u anke l-għalliema biex ikunu mgħarrfa każijiet bħal dawn.