Bħala parti mill-attivitajiet fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għat-Turiżmu, il-Gozo Tourism Association organizzat konferenza indirizzata mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana bit-tema ‘L-ottimizzazzjoni tas-sinerġiji fis-setturi tat-turiżmu u tal-volontarjat’.
Il-Ministru Caruana qalet li hi kburija li Għawdex, għal darba oħra, ġie magħżul bħala wieħed mill-aqwa destinazzjonijiet sostennibli fid-dinja. Għawdex m’għadux imfittex biss bħala destinazzjoni għas-sajf iżda grazzi għad-diversi programmi organizzati mill-Ministeru għal Għawdex, il-gżira saret turistika matul is-sena kollha.
Il-Ministru rreferiet għal numru ta’ inizjattivi ġodda implimentati matul din is-sena biex ikompli jissaħħaħ il-prodott turistiku Għawdxi. Semmiet li riċentament il-Ministeru, bil-għajnuna ta’ diversi stakeholders, nieda Opera Month in Gozo. “Dan hu programm imsejjes fuq it-tradizzjoni operistika li hi evidenti f’Għawdex iżda ridna nagħtu aktar importanza lil dan is-settur partikolari”, qalet il-Ministru Caruana.
Justyne Caruana rringrazzjat lill-Gozo Tourism Association u lill-organizzazzjonijiet volontarji għall-kontribuzzjoni tagħhom biex jiġġeneraw iktar turiżmu f’Għawdex.
Is-Sur Paul Scicluna, Chairman tal-GTA, irringrazzja lill-Ministru Caruana tal-ħidma tagħha biex it-turiżmu fil-gżira Għawdxija jibqa’ pilastru u mutur ekonomiku ewlieni kif ukoll niċċa għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.