L-aħħar xhur urew kemm is-servizz pubbliku jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.
Dan kien il-messaġġ tas-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar fil-Jum Dinji għas-Servizzi Pubbliċi.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Kap taċ-Ċivil innota kif l-uffiċjali pubbliċi minn dejjem kienu fuq quddiem bex jagħtu servizz lill-pubbliku.
Hawnhekk huwa saħaq kif is-Servizz Pubbliku qed jiffokka fuq l-integrità u li s-servizz jingħata bl-aħjar mod possibli għaliex iċ-ċittadini huma ta’ prijorità.
Is-Sur Cutajar stqarr, “L-integrità hija l-kejl li fuqha niġu ġġudikati u b’wiċċna minn quddiem, ngħidu li anke daħħalna sistemi li biha titkejjel l-integrità, li biha uffiċċjali pubbliċi li huma esposti jingħataw dan it-taħriġ fejn tidħol l-integrità.”
Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Malta George Vella qal kif minkejja pandemija, ix-xogħol tas-Servizz Pubbliku mhux biss baqa’ għaddej iżda kompla jissaħħaħ.
Hawnhekk, il-President semma kif dan is-servizz għamel qabża ta’ kwalità fl-effiċjenza tal-infomazzjoni, l-innovazzjoni u l-mod kif il-ħaddiema adattaw għal metodi ġodda biex jagħtu servizz.
Il-President Vella sostna, “Dawn l-aħħar snin, wieħed jinnota li ttieħdu diversi miżuri biex la jkun hemm dewmien u lanqas kedded. Ilkoll nafu dwar ir-rekord impekkabli tas-servizz governattiv online, fejn Malta qed tikkwalifika fil-ħames post tal-Unjoni Ewropea.”