F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, ġie ċċelebrat iċ-ċentinarju mit-twaqqif tal-Banda tal-Korp tal-Pulizija.
Fi stqarrija mill-Pulizija ntqal li waqt din iċ-ċerimonja nkixfet irħama kommemorattiva u wara saret preżentazzjoni ta’ ċertifikati ta’ ringrazzjament u midalji lill-bandisti u lil dawk li kienu ta’ sapport għall-banda, partikolarment waqt il-kunċerti li saru din is-sena b’rabta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-100 sena.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, li qal li minkejja li dan l-avveniment kellu jkun iċċelebrat fl-2020, iżda minħabba l-pandemija dan ma kienx possibbli. Bi storja li tmur lura 100 sena, il-Banda tal-Korp hija possibbilment l-ewwel Banda Nazzjonali fl-istorja bandistika lokali.
Is-Sur Gafà rringrazzja lill-bandisti tal-impenn tagħhom, li minkejja l-eżiġenzi tal-Korp dejjem taw l-aqwa prestazzjoni tagħhom kull meta kienu msejħa biex jagħtu kunċert.
Biex jibqa’ kkommemorat dan l-anniversarju, il-Korp tal-Pulizija nieda wkoll edizzjoni limitata ta’ sett bolol bħala First Day Cover b’kollaborazzjoni mal-Malta Post.