It-tneħħija tal-libell kriminali f’pajjiżna kien innotat b’mod pożittiv mill-Kunsill tal-Ewropa. Dan f’rapport dwar is-sitwazzjoni tal-midja fl-Ewropa.
Ir-rapport qal li s-sitwazzjoni fl-Ewropa hi waħda ħażina tant li t-titlu hu li ‘d-demokrazija tinsab f’riskju’. Madanakollu fost l-affarijiet pożittivi li jissemmew hemm it-tneħħija tal-libell kriminali f’pajjiżna.
F’sezzjoni dwar il-liġijiet li jheddu lill-ġurnalisti b’atti kriminali, ir-rapport jgħid li dan qed ikollu effett maġġuri fl-Unjoni Ewropea. Ir-rapport jinnota li l-malafama għadha ġġib riskju ta’ ħabs f’iktar minn nofs il-pajjiżi membri tal-Kunsill tal-Ewropa.
Minkejja ftit progress, bħad-deċizjoni ta’ Malta li tneħħi l-libell kriminali, s-sena 2018 uriet li għad hemm riskji reali, fejn ġurnalisti jaffaċċjaw il-ħabs għal malafama jew insulti lill-Kap tal-Istat, jgħid ir-rapport.
F’pajjiżna din il-liġi kienet tbidlet propju s-sena li għaddiet, wara diversi wegħdi minn gvernijiet differenti. It-tneħħija tiegħu kienet saret b’konsultazzjoni mal-ġurnalisti nfushom li laqgħu l-bidliet li daħlu fis-seħħ.
Minn dan ir-rapport joħroġ li l-Italja hija l-pajjiż bl-iktar każi ta’ theddid. Jingħad li kien hemm 13 il-każ li fihom tissema l-Italja. Ir-rapport jgħid li dan in-numru juri kif il-liberta’ tal-istampa fl-Italja s-sena l-oħra maret lura, filfatt ir-rapporti ta’ każi ta’ theddid fuq ġurnalisti triplaw meta mqabbel mal-2017.
Ir-rapport jinnota kif il-vjolenza kontra l-ġurnalisti fl-Italja hija ta’ tħassib, partikolarment il-Mafja u l-kriminalita’ organizzata jibqgħu fost l-ikbar theddidiet għall-ġurnalisti.
Ħafna mir-rapporti fl-Italja saru wara l-bidla fil-gvern b’uffiċjali tal-istess Gvern jinżammu responsabbli għax bir-retorika tagħhom fuq il-midja soċjali jgħinu l-ostilita’ lejn il-membri tal-midja. Ir-rapport jħares ukoll lejn pajjiżi bħar-Russja u l-Ungerija.