Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-investigazzjoni tal-Fondi għall-2015 għall-Proġetti Kapitali mill-Kunsilli Lokali faħħar diversi miżuri li ttieħdu għall-ewwel darba mill-Gvern fl-aġġudikar ta’ skemi maħruġa għall-kunsilli lokali.
Fost dawn jissemmew:
- li l-Kumitat ta’ Evalwazzjoni u Aġġudikar kien imwaqqaf b’mod formali b’ittri tal-ħatra li kellhom termini ta’ referenza stabbiliti b’mod ċar;
- li l-kompożizzjoni tal-istess kumitat kienet waħda fejn il-membri kellhom kompetenzi diversi u wiesgħa li għenu biex ikun hemm aġġudikazzjoni aktar oġġettiva;
- li għall-ewwel darba saret sessjoni ta’ informazzjoni lill-kunsilli lokali fejn setgħu jiġu kjarifikati d-diffikultajiet; u
- li l-kriterji ta’ aġġudikazzjoni kienu stabbiliti mill-kumitat u komunikati lill-kunsilli lokali kollha permezz ta’ ċirkolari.
Fl-istess ħin il-Gvern innota wkoll li r-rapport jindika xi nuqqasijiet purament ta’ natura amministrattiva li l-Gvern jagħtihom importanza.
Għaldaqstant, qal il-gvern, il-kritika li kien hemm xi preferenzi, nuqqas ta’ trasparenza, ħabi jew abbużi hija biss il-konklużjoni żbaljata li waslu għaliha l-kelliema tal-Oppożizzjoni.
Fl-istess ħin kien iċċarat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali u uffiċjali pubbliċi oħra se jkunu qed jevalwaw ir-rakkomandazzjonijiet magħmula fl-istess rapport biex xi nuqqasijiet li setgħu saru ma jerġgħux jiġu ripetuti fl-ipproċessar ta’ skemi oħra li jinħarġu fil-futur għall-kunsilli lokali.