“Il-Gvern qed jikkontrolla s-sitwazzjoni b’mod tajjeb.”
Sostna dan l-editorjal tal-gazzetta The Malta Independant b’rabta ma’ ħidmet l-awtoritajiet fis-sitwazzjoni preżenti marbuta mal-imxija tal-Coronavirus.
L-Independent qalet li l-Gvern mal-ewwel laqa’ għal din l-imxija billi żied is-soddod għal dawk rikoverati l-isptar minħabba din l-influwenza.
“Lockdown totali ta’ malajr seta’ ħalla riperkussjonijiet fiż-żmien li ġej”, saħqet l-Independent li fissret ukoll bħala passi għaqlija dawk li ħa l-Gvern b’mod gradwali fosthom il-kwarantina mandatorja għal kull min jidħol f’pajjiżna u l-miżuri dwar l-attivitajiet tal-massa.
Il-gazzetta semmiet ukoll il-miżuri f’waqthom li ħabbar il-Gvern sabiex jgħin in-negozji milquta mill-Coronavirus.
Fost dawn il-miżuri kien hemm il-posponiment ta’ ħlasiijiet tat-taxxi, VAT, kontribuzzjoni tal-ħlas tal-bolla kemm għal min iħaddem u għas-self-employed.
Sabiex is-sitwazzjoni nżammet taħt kontroll kienet importanti wkoll il-kampanja ta’ informazzjoni li għamel il-Gvern sabiex il-pubbliku jkun mill-iktar infurmat fuq miżuri preventivi. Dan bil-għan li jonqos it-tixrid tal-imxija f’pajjiżna filwaqt li l-każi jiġu rrapurtati b’iktar effettività.
L-editorjal semma wkoll id-deċiżjoni iebsa iżda importanti li ħa l-Gvern sabiex jipproteġi l-anzjani kollha f’pajjiżna, meqjusa fost l-aktar vulnerabbli jekk jintlaqtu minn din l-influwenza tal-Coronavirus. Dan wara li waqqaf iż-żjarat fiċ-Ċentri u d-djar tal-Anzjani.
L-editorjal innota kif dan l-impenn mill-Gvern qed ikun ta’ eżempju wkoll għas-settur privat hekk kif bosta kumpaniji u negozji qed jieħdu miżuri preventivi sabiex jitnaqqas it-tixrid ta’ dan il-virus.
Dan filwaqt li faħħar ukoll lill-professjonijisti u dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tas-Saħħa li qed ikunu fuq quddiem iħabbtu wiċċhom ma’ din it-tifqiegħa bil-għan li jgħinu lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.