L-estensjoni ta’ Skema 9, ntlaqgħet b’sodisfazzjon hekk kif din se tkompli tgħin lil madwar elfejn student ikomplu bil-vjaġġ edukattiv tagħhom mingħajr ebda intopp.
Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa tal-Kabinett f’Kulleġġ San Nikola f’Ħad-Dinfli, ħabbar li minn din is-sena skolastika, l-Iskema 9 se titwessa’ skond il-ħtieġa biex studenti li fil-preżent igawdu minn din l-iskema se jingħataw assistenza f’aktar minn għajnuna waħda li jeħtieġu.
Din l-iskema toffri l-għażla lil numru ta’ tfal li jibbenefikaw minn għajnunijiet, fosthom uniformi b’xejn, lunch kuljum, sett stationery b’xejn u attivitajiet extrakurrikulari bla ħlas.
Fost dawk li faħħru din l-iskema kien hemm is-Surmast tal-Iskola tas-Seminarju tal-Arċisqof, Fr Mark Ellul, li waqt l-istess laqgħa tal-Kabinett li fiha tħabbret din l-iskema, qal hekk.
Qal, “Biex nilħqu dan għandna nappoġġjaw lil kull individwu fl-iskola, billi nagħtu kura pastorali. Pastorali mhiex spiritwali imma kura, servizzi psikosoċjali u emottivi lil kulħadd; studenti, għalliema, ġenituri u amministrazzjoni. Bil-kollaborazzjoni interministerjali u nieħu gost nisma’ bi Skemi 9 u attivitajiet oħrajn bħal dawn nistgħu nilħqu lill-istudenti b’mod ħolistiku.”
Fid-diskors tiegħu, Fr Mark Ellul sostna li tul il-vjaġġ edukattiv ta’ uliedna, għandu jkun hemm bilanċ bejn l-eżamijiet u testijiet u assessjar b’mod formattiv li jgħin lill-istudenti.
Waqt din il-laqgħa tal-Kabinett tkellmet ukoll l-istudenta tal-għaxar sena, Antonia Ciappara, li semmiet l-iskola li hija tattendi jiġifieri Kulleġġ San Nikola f’Ħad Dingli, hija attrezzata sew.
Fid-diskors fil-preżenza tal-Kabinett hija sostniet l-importanza li l-istudenti bħalha jkunu mgħallma jieħdu sehem f’materja importanti li tolqot il-pajjiż.
Fost l-affarijiet li semmiet hija rrimarkat il-parteċipazzjoni f’konsultazzjonijiet pubbliċi.
Qalet, “Hija ħolma tiegħi li jien u sħabi niġu mħarrġa u nagħtu sehem f’dak li qed jiġri fil-pajjiż, bħal konsultazzjonijiet pubbliċi. Per eżempju n-National Strategy for the Environment 2050. Nappella li l-kurrikulum jinkludi parteċipazzjoni tal-istudenti, biex b’mod attiv nagħtu s-sehem tagħna biex infasslu futur sostenibbli għax dan hu l-futur tagħna.”