Reazzjoni ferm pożittiva dwar il-ħidma tal-Gvern sabiex setgħet tiġi emendata l-liġi dwar il-vittmi tal-kriminalità f’pajjiżna. Permezz ta’ dawn l-emendi l-vittmi fil-Qrati Maltin se jingħataw aktar protezzjoni u anke prijorità.
Kliem ta’ tifħir għal dan kollu ġej minn fomm il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika u Abbażi ta’ Ġeneru Audrey Friggieri, fejn saħqet kif f’dan kollu hemm jispikka l-ispirtu soċjali.
Spjegat, “Dak li jispikka f’dawn l-emendi huwa propju l-ispirtu soċjali li fihom, huwa spirtu ta’ risposta min-naħa tal-Gvern li huwa qrib in-nies. Huwa fatt magħruf li min jgħaddi minn atti kriminali speċjalment anke atti vjolenti bħal ma huma vjolenza domestika u vjolenza abbażi ta’ ġeneru hemm trawma ġol familji fejn jintlaqtu tfal, adulti u kulħadd.”
B’mod konkret l-emendi jgħidu li fost l-oħrajn għandu jkun hemm ambjent sigur biex il-vittmi jagħmlu l-ewwel pass u tkun aktar faċli għalihom biex jirrappurtaw, appoġġ għall-vittmi u rimbors għall-ispejjeż fil-każ.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti qal kif dawn l-emendi se jtaffu bil-kbir minn ċertu piżijiet li sa ftit ilu l-vittmi kienu jġorru waħedhom.
Qal, “S’issa l-pajjiż kellu kultura ta’ prosekuzzjoni, inressqu lil xi ħadd u dak ix-xi ħadd jeħel iżda l-vittma, is-sodisfazzjoni li l-aggressur ikun weħel, materjalment x’ħadet il-vittma? Meta qed nitkellmu fit-termini li trid tgħaddi għajnuna psiko soċjali lill-vittma u kumpens fit-termini tar-rimbors finanzjarju huwa pass kbir il-quddiem.”
Dawn l-emendi, li ġew deskritti bħala ferm bżonnjużi, se jaħsbu wkoll għall-bżonnijiet tal-vittmi li għandhom diżabilità.