Bosta organizazzjonijiet u individiwi niedew dik li qed tissejjaħ Kampanja Paga Minima Diċenti.
Qalu li din il-kampanja kellha titnieda erba’ snin ilu, iżda qed titnieda issa għaliex il-Prim Ministru provda opportunità li jkun hemm diskussjoni dwar il-paga minima.
L-organizazzjonijiet li qed jipparteċipaw fil-kampanja huma: Aditus Foundation, Alleanza Kontra l-Faqar, Caritas, Forum Bormliż, Integra Foundation, Koperattiva Kummerċ Ġust, Malta Humanist Association, Malta Micro Finance, Mid-Dlam għad-Dawl, Milleniun Chapel, Moviment Graffiti, Paulo Freire Institute, Peace Lab, The Critical Institute, Third World Group u Żminijietna.
Il-proposta ewlenija li qed tiġi mressqa hi li l-paga minima għandha tiżdied bi 3.5% għal tliet snin konsekuttivi, minbarra ż-żieda tal-COLA. Qed jargumentaw li r-riskju li l-impjiegi se jintilfu bħala riżultat ta’ din il-miżura huwa minimu. Is-sorsi ewlenin ta’ investiment barrani m’humiex miġbudin lejn Malta minħabba remunerazzjoni baxxa, u l-industriji tal-kostruzzj0ni u t-turiżmu mhux se jmorru x’imkien ieħor jekk il-pagi jiżdiedu.