Il‑Kunsill Malti għax‑Xjenza u t‑Teknoloġija (l‑MCST) nieda l‑Pjan Strateġiku Nazzjonali tar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall‑konsultazzjoni pubblika. Il-pjan ikopri mis-sena d-dieħla sal-2027.
Waqt it‑tnedija ġie ppreżentat l‑abbozz tal‑Pjan Strateġiku Nazzjonali, fejn il‑partijiet kkonċernati fis-settur tar‑riċerka u l-innovazzjoni ġew mistiedna sabiex jikkontribwixxu bl‑għarfien tagħhom lejn id-dokument finali.
L‑abbozz jagħmel enfasi fuq it‑tisħiħ tal‑potenzjal ta’ Malta. L‑aktar aspetti importanti jinkludu sistema ta’ governanza riformata fit‑tfassil tal‑policies nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Is‑Segretarju Parlamentari għaż‑Żgħażagħ, ir‑Riċerka, u l‑Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti enfasizza kif din l‑istrateġija se jkollha rwol importanti sabiex jiġu integrati r‑riċerka u l‑innovazzjoni fi ħdan il‑viżjoni ekonomika ta’ Malta.
Iċ‑Chairman Eżekuttiv tal‑MCST Jeffrey Pullicino Orlando introduċa l‑abbozz tal‑istrateġija bħala r‑riżultat ta’ bosta snin ta’ riċerka, konsultazzjoni u abbozzar tekniku mmexxi mill‑istaff tal‑MCST, bil‑għan li tiġi msaħħa u riformata l‑ekosistema tar-riċerka u l‑innovazzjoni ta’ Malta.
Min-naħa tiegħu, is‑Segretarju Permanenti tal‑Ministeru Matthew Vella rrefera għall‑importanza tal‑kooperazzjoni u sinerġija bejn entitajiet governattivi sabiex jassiguraw li l-viżjoni ta’ dan id‑dokument issir realtà.
Kull min hu interessat huwa mistieden jissottometti l‑feedback u l‑kummenti tiegħu fuq strategy.mcst@gov.mt. Il‑konsultazzjoni pubblika se tagħlaq fil‑31 ta’ Jannar 2023.