Trid timbotta mouse tal-kompjuter madwar il-Belt? Jew inkella tattiva biċċa xogħol tal-arti permezz tiegħek innifsek stess? Mela asal wasla sal-belt Valletta nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Settembru u, apparti li tieħu pjaċir, bejn is-6pm u nofsillejl għandek issib diversi ispirazzjoniet mill-festival tax-xjenza u l-arti: Xjenza fil-Belt 2018 – Lejla tar-Riċerkaturi Ewropej.
Fil-Pjazza Tritoni, se jittellgħu tliet installazzjonijiet kbar interattivi bl-isem Of Mice, Carbon and Tritons li se jinvolvu lil min ikun preżenti. Dawn huma mouse ġgantesk tal-kompjuter, skultura virtwali, u arti interattiva. “Dan il-proġett speċifiku qed isir b’kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta, il-Fondazzjoni Valletta 2018 u l- Università tal-Applied Arts ta’ Vjenna. Dan il-proġett jinkorpora l-valuri ewlenin tal-festival fil-ħolqien ta’ relazzjonijiet bejn id-dixxiplini u t-tixrid tax-xjenza mal-arti biex joffri divertiment u edukazzjoni b’mod attraenti,” qal Dr Edward Duca, il-Maniġer tax-Xjenza fil-Belt.
Pushing the Mouse, maħdum mill-artisti Michael Bachhofer u Stefan Resch flimkien mar-riċerkatriċi Marthese Borg, hu mouse tal-kompjuter ġgantesk li kull min iżur dan il-festival jista’ jimbuttah madwar il-Funtana tat-Tritoni.Installazzjoni oħra se tkun esperjenza ta’ realtà mżewwqa b’teknoloġija avvanzata msejjħa The Fourth Triton maħluqa minn Matthew Attard u Matthew Galea f’kollaborazzjoni mar-riċerkaturi tal-Università ta’ Malta Dr Vanessa Camilleri mill-Fakultà tal-ICT u l-Professur Ian Thornton. Din l-istruttura unika jista’ jkollha aċċess mill-smartphone u l-viżitaturi jistgħu jaraw ix-xogħlijiet tal-arti virtwali miġjuba fir-realtà.
Reforming Carbon, biċċa xogħol artistika ispirata mill-wirt tradizzjonali Malti, se tkun attivata permezz tal-pubbliku. Dan il-proġett maħluq minn Daniela Brill Estrada u Guadalupe Aldrete u r-riċerkaturi Dr Ing John Betts, Dr Catriona Brogan u Rowan McLaughlin se jittrasforma Pjazza San Ġorġ.
Il-Kamra Maltija tax-Xjenzati ngħaqdet mal-Creativity for Life u l-Fondazzjoni Inspire fil-proġett tal-Komunitajiet Kreattivi biex ħolqu Ekologija. Dawn huma tliet installazzjonijiet kalejdoskopiċi xogħol mill-istudenti ta’ Inspire, li tgħallmu dwar il-flora u l-fawna lokali mill-bijoloġisti infushom. L-artisti Liliana Fleri Soler u Gabriella Agius, flimkien mat-terapisti ta’ Inspire ggwidaw lill-istudenti biex jitgħallmu jagħmlu forom, twaħħil, skultura, u jpinġu numru kbir ta’ kreaturi. Din l-installazzjoni se tkun fi Triq ir-Repubblika kantuniera ma’ Triq San Ġwann.
Wiki Loves Monuments, kompetizzjoni annwali tal-fotografika internazzjonali organizzata minn gruppi u chapters ta’ Wikimedia, u Magna Żmien, proġett ieħor tal-Fondazzjoni Valletta 2018, se jsiru fi Spazju Kreattiv. Magna Żmien għandha l-għan li tippreserva u tipprovdi aċċess għal kontenut storiku lokali mis-seklu li għadda li nqabad fuq filmati b’sound analogi u apparat fotografiku mill-Maltin.
Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jesploraw il-qiegħ tal-baħar Mediterran f’Ħoss fl-Ilma, taħlita ta’ ġeoxjenza, mużika elettro-akustika u arti interattiva. Dan il-proġett se jkun ippreżntat fuq it-taraġ li jwassal għal Hastings.
Fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija se jkun hemm diskussjoni dwar ix-xjenza tal-konservazzjoni permezz ta’ case study dwar il-proġett tal-Gran Salon. Is-sessjonijiet jibdew kull siegħa bejn is-7pm u l-10pm.
Il-Festival Xjenza fil-Belt – Lejla tar-Riċerkaturi Ewropej hu ffinanzjat mill-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie tal-Programm Horizon 2020 (H2020, 2014-2020) tal-UE. Il-festival jitmexxa mill-Università ta’ Malta, mill-Kamra Maltija tal-Xjenzati u mill-Fond tar-Riċerka tal-Università (RIDT), bi sħubija mal-Fondazzjoni Valletta 2018, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, MCAST, Esplora, JUGS Ltd, Studio 7, BPC International, GSD Marketing Ltd, Aquabiotech Ltd, MEUSAC, PBS, Spazju Kreativ, Pjazza Teatru Rjal, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, Notte Bianca, Melita, More or Less Theatre, Trasport Malta u l-Kunsill Malti tal-Arti.
Tista’ ssegwi l-programm mis-sit: www.scienceinthecity.org.mt jew għal aktar aġġornamenti fuq il-paġna ta’ Facebook: www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta