Għal sena oħra fiż-Żejtun bosta familji flimkien mal-annimali tagħhom ta’ kull tip inġabru ħdejn il-Knisja ta’ San Girgor. Dan wara li l-lejl ta’ qabel saret iċ-ċelebrazzjoni folkloristika ta’ Żejt iż-Żejtun, propru fil-mitejn u ħamsin sena mindu ż-Żejtun saret Citta’ Beland.
Hawn, ġew mibjugħa numru ta’ prodotti tradizzjonali Maltin u kotba ta’ riċetti li jinkludu l-użu taż-żejt taż-żebbuġa. Ġie organizzat ukoll żfin folkloristiku u għana flimkien ma snajja’ u artiġġjanat Malti.
Il-Ħadd filgħodu viċin il-Knisja ta’ San Girgor inġabru l-familji u bosta klieb, iżda mhux biss, hekk kif wieħed seta’ jara wkoll għasafar u saħansitra anke xadina.
Ftit tal-ħin wara waslet ukoll purċissjoni mill-pjazza taż-Żejtun b’numru kbir ta’ żwiemel ta’ kull daqs, fejn dawn ukoll ġew imbierka.
Din it-tradizzjoni tmur lura s-snin, u sservi ta’ appuntament ta’ kull sena fejn il-komunità tingħaqad f’apprezzament lejn l-annimali tagħhom.
L-Arċipriet taż-Żejtun, Dun Nicholas Pace tkellem ma’ dan l-istazzjon, fejn stqarr li l-imħabba li familja jew individwu jkollu lejn l-annimali tiegħu hija simili ta’ mħabba lejn membri tal-familja.
Stqarr, “Il-komunità qiegħda hawn, tajjeb. In-nies u aħna nħobbu ħafna lill-annimali wkoll, inqisuhom ukoll xi daqqiet membri tal-familja tagħna.”
ONE News tkellem ukoll ma xi persuni li ġabu lill-annimali tagħhom sabiex jitbierku. Minkejja l-varjetà ta’ annimali preżenti, is-sidien tagħhom kollha kellhom ħaġa waħda komuni; imħabba liemabħala lejn l-annimali tagħhom.
“Kull sena niġu hawn ta’ aħna, bħall-bieraħ filgħaxija jkun hawn Żejt iż-Żejtun li jkun sabiħ ħafna, u dalgħodu tkun għat-tfal u l-annimali għax jieħdu pjaċir it-tfal.
“Din hija l-ewwel darba tiegħi, hija esperjenza sabiħa, ħadt pjaċir u jekk il-Bambin irid sena oħra nerġgħu nitilgħu.”
Anka lbieraħ filgħaxija hawnhekk kont jiġifieri, u llum kont preparat li niġi hawn minħabba dawn l-annimali. Jien għandi lil din ara, il-mimmi t’għajnejja, ngħidilha tini ċ-ċinga tagħtijieli. Ejja tini ċ-ċinga. Rajtha sieħbi allura mhux bilfors tħobbhom l-annimali.”