Il-paġna ta’ facebook ‘It-Temp Madwarna’ qed tirraporta twissija ta’ rifnu fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira. Ir-riħ umdu mil-Lvant, mistenni li jkompli jitqawwa u jsir qawwi ħafna (Forza 7 għal 8) matul il-jum tal-Ħamis ix-Xirka, b’buffuri li jlaħħqu anke l-Forza 9.
Dan ir-riħ mistenni li jissaħħaħ iżjed u jsir grieg il-Lvant b’qawwa ta’ rifnu forza 8, b’buffuri li jistgħu jilħqu l-Forza 10 fl-aktar żoni esposti, nhar il-Ġimgħa l-Kbira.
Dan ir-riħ mistenni li jwassal għas-sospensjoni fl-operat bil-katamaran u l-‘fast ferry’ bejn il-Ħamis ix-Xirk u Sibt il-Għid filwaqt li fil-fliegu, is-servizz tal-Gozo Channel jista’ jesperjenza xi dewmien minħabba li l-vapuri jittrakkaw fis-‘South Quay’ taċ-Ċirkewwa.
Qed isiru appelli biex jiġu evitati ż-żoni mal-kosta tal-Grigal ta’ Malta, speċjalment lejn ix-Xemxija, Tas-Sliema, il-Belt u parti mill-Kottonera u anke lejn Marsaskala, fejn il-mewġ mistenni li jogħla ‘l fuq mil-livell tat-triq. Xi attivitajiet esterni jistgħu jitħassru jew ikunu f’riskju.