Waqt li l-Gvern u dawk fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-imxija intensifikaw ħidmiethom fil-programm ta’ tilqim għall-Covid-19, l-Oppożizzjoni intensifikat l-attakki tagħha fuq il-programm ta’ tilqim ta’ pajjiżna.
L-aħħar attakk wasal mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said li maqdar it-tilqim li qed isir f’Għawdex u qal li kien hemm il-kju.
Għal din il-kitba kienu bosta li rreaġixxew għat-tmaqdir tad-deputat Nazzjonalista.
Kien hemm min qallu li kien hemm biex jirċievi t-tilqima u ma damx, ħaddieħor qallu li biex immaqdru u nsibu x-xagħra fl-għaġin l-ewwel nieħdu.
Talbu biex jirringrazzja l-Alla li hawn il-vaċċin.
Oħrajn wieġbu lil Chris Said u qalulu li kienu impressjonati bl-organizzazzjoni fiċ-ċentru għat-tilqim f’Għawdex u kif għal grazzja t’Alla ngħixu f’pajjiż fejn il-vaċċin huwa disponibbli.
Kummenti oħra li spikkaw kienu bħal: “Dħalna u ma domniex Chris. Ħafna stgħaġib għalxejn.”
Kien hemm ikkummentalu wkoll u qallu, “Mela mhux jitlaqqmu f’Malta issa”, dan b’referenza għall-fatt li l-Għawdxin se jitlaqqmu f’Għawdex stess.
Ħaddieħor qal lil Chris Said għaliex dejjem igerger u kumment ieħor kien jgħid li l-kjuwijiet konna narawhom meta kienu jgħidu li l-mediċina out of stock.
Jirriżulta li wara dawn il-kummenti kollha Chris Said kellu jirtira dak li qal u fil-fatt neħħa l-kitba.
Fil-fatt fuq Facebook din il-kitba ma ssibha mkien u kienu ritratti ta’ dak li kiteb oriġinarjament li sservi ta’ prova tat-tmaqdir li wassal Chris Said.
L-istess ġara mill-kandidat Nazzjonalista fuq Għawdex Alex Borg li mbagħad għamel filmat u ammetta li maqdar għalxejn il-proċess ta’ tilqim għall-Covid-19 li qed isir f’Għawdex.
Alex Borg stqarr: Nixtieq ngħaddi messaġġ qasir sabiex nispjega ruħi aħjar fuq post li ntefgħet ftit tal-ħin ilu u issa ddeċidejt li nneħieha. Nixtieq nikkonferma li hemm diversi persuni tas-sigurtà li qed jieħdu ħsieb il-kju, il-kju qed jimxi b’mod ġmielu, mhux qed idumu n-nies jistennew fil-kju.”
F’pandemija, l-Oppożizzjoni qed tinfexx fit-tmaqdir tal-programm ta’ tilqim f’pajjiżna u saħansitra nhar il-Ħadd li għadda, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech wera biċ-ċar li ma ħax gost li l-għaqda dinjija tas-saħħa rrikonoxxiet li Malta hi eżemplari fit-tilqim.
Meta kien mistoqsi: Sodisfatt, għax pereżempju l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qalet li Malta hija eżemplari għaliex hija l-iktar pajjiż illi qed ikollu rata sostanzjali ta’ tilqim, l-ewwel waħda fl-Ewropa?
Grech qal,: “Mela, meta nikkwotaw il-WHO u noqogħdu nikkwotaw lil xi ħadd li jfaħħarna, taf xi tfisser dak, ifisser li we are complancent.”