Il-Malti jgħid li l-idejn huma mgħaref tal-fidda. Crew ta’ ONE News żar lil John Attard li jaħdem l-arkett, xogħol tal-idejn li jsir bl-injam.
Huwa qalilna li ilu jipprattika dan id-delizzju sa minn meta kellu disa’ snin.
John stqarr magħna li n-namra lejn id-delizzju tal-arkett nibtet fih għaliex kien jara lil missieru u lil ħutu jagħmlu dan ix-xogħol tal-idejn.
Qal kif, “Minn meta kont żgħir, tista’ tgħid missieri u ħuti kienu dejjem jagħmluh, allura kważi kuljum kont nara dax-xogħol isir u trabba ġo fija, qed tifhem? U baqa’ jogħġobni sal-lum.”
John fissrilna l-għodda li juża biex jaħdem l-arkett u kif dan ix-xogħol isir.
Spjega kif, “Bħala materjal minimu, kulma jkollok bżonn huwa l-arc, għandek bżonn brace rqiq biex itaqqab it-toqob, għax kull waħda trid entratura biex tidħol għaliha, is-segi ovvjament u wiċċ lixx biex taħdem ix-xogħol fuqu għax inti meta taqta’ tkun tridu mingħajr ostakli ħalli tkun tista’ tmexxi kif trid. Għax dan l-arc jibqa’ static, tiela’ u nieżel biss u ddawwar ix-xogħol.”
Huwa sostna li bħala injam jista’ jintuża kwalunke materjal li jkun ta’ kwalità tajba, iżda l-aktar li jintuża huwa plywood.
John qalilna li ma jagħtix kas kemm idum għaddej fuq biċċa xogħol, għaliex l-importanti hu li jagħmel xogħol tajjeb.
Qal, “Dan jekk togħġobni xi ħaġa mhux se noqgħod ngħid kemm se teħodli ħin, nibdieha, meta nibda nibda u nlesti nkun lestejt, jiġifieri, dan mhux xi xogħol tal-għaġla, dan hu xogħol ta’ passjoni, relaxing ħafna, qed tifhem u l-importanti li jiġi riżultat tajjeb.”
Huwa stqarr magħna li dan id-delizzju qed jonqos fost il-ġenerazzjonijiet tal-lum. Dan jista’ jkun minħabba l-mezzi tat-teknololoġija. Tenna li meta kien żgħir, ix-xogħol tal-idejn kien jiġi mgħallem ukoll fl-iskejjel.
John saħaq li tkun ħasra jekk maż-żmien l-arkett u xogħol ieħor tal-idejn jinqata’.
Spjega, “Dan anzi għandu jiġi inkoraġġit għax huwa l-ewwel nett passatemp sabiħ ħafna, kreattiv ħafna u ħasra li jintilef hu. Dan anzi nagħmel appell li jiġi mgħallem u miżmum ħalli jingħadda għall-ġenerazzjonijiet li jmiss għax huwa veru xogħol sabiħ.”