Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Mario De Marco, kien is-suġġett ta’ taħdita bejn il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil u l-blogger Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia f’residenza f’Ħaż-Żebbuġ. Żvelat dan il-gazzetta KullĦadd f’artiklu b’dettalji esklussivi.
Bħalma għamlet f’kitbietha Caruana Galizia fetħitilha qatta bla ħabel kontra De Marco u l-Kap fl-ebda ħin ma kellu kelma ta’ difiża għall-Viċi Kap tiegħu. Il-gazzetta KullĦadd rrapportat li dan seħħ waqt li numru ta’ persuni magħżula ltaqgħu għat-te f’din ir-residenza ta’ ċertu lussu. Daphne Caruana Galizia kienet mistiedna ma’ żewġha Peter Caruana Galizia u Simon Busuttil mas-sieħba tiegħu Kristina Chetcuti. Iż-żewġ koppji ma kinux l-uniċi mistednin u tant kien hemm min impressjona ruħu b’dak li ra, li dak li seħħ
wasal għand il-media.
“Minn dak deskritt lilna Daphne Caruana Galizia kellmet lil Busuttil b’ton ta’ xi ħadd pussessiv u mingħajr ma ddejqet mill-udjenza li kien hemm madwarha lill-Busuttil qaltlu li jrid jeħles minn De Marco. Naturalment, fost il-mistiedna ħadd ma impressjona ruħu b’dan, għaliex dwar hekk kitbet ukoll. Iżda, baqgħu mistagħġba bil-mod kif Caruana Galizia kellmet lil dak li suppost hu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-fatt li fl-ebda ħin il-Kap ma kellu dikjarazzjoni ta’ difiża għal De Marco. Saħansitra kien hemm mumenti fejn wera li qed jaqbel magħha,” irrapportat il-KullĦadd.
Li Mario De Marco mhux favorit fid-Dar Ċentrali huwa sigriet magħruf, iżda l-qasma interna ħarġet wara l-inkjesta Capital One fejn jissemma l-Viċi Kap l-ieħor Beppe Fenech Adami.
Biex ineħħi l-lenti minn fuq Fenech Adami fetaħ attakk fuq De Marco u s-sehem tiegħu bħala konsulent tad-db Group li se jinvesti fis-sit fejn illum hemm l-ITS. Kienet proprju l-istess Caruana Galizia l-ewwel li fetħet il-kanuni f’appell imġedded biex De Marco jirriżenja minn Viċi Kap u l-għada Simon Busuttil qal li tah għażla biex jagħżel bejn iż-żewġ irwoli, biex kien De Marco stess li giddbu u qal li ddeċieda waħda li ma jibqax konsulent legali tad-DB Group. Minkejja dan il-qiegħa kompliet tisħon u eventwalment De Marco spiċċa mar jiskuża ruħu fuq Net Television u fuq ir-radju Busuttil qal li hu l-kap u De Marco kien se jibqa’. Iżda, il-KullĦadd qalet li tista’ tikkonferma li din kienet dikjarazzjoni li tikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li qal f’Ħaż-Żebbuġ madwar mejda fejn kien mistieden għat-te. Okkażjoni soċjali li għad irridu niżvelaw iktar dwarha.