Li tirrestawra xogħlijiet antiki u ta’ preġju huwa wkoll xogħol artiġjanali. Evidenza ta’ dan huwa l-artist Martin Spiteri li huwa restawratur tal-induratura tal-antikitá. Martin, li llum għandu 51 sena, ilu għal dawn l-aħħar 12-il sena jipproteġi kapolavuri antiki Maltin u ma jħallix liż-żmien li jkun għaddej minn fuqhom joħodhom miegħu.
Martin Spiteri saħaq li waħda mill-fatturi li tolqot ħafna lir-restawr lokali hija n-nuqqas ta’ restawraturi f’pajjiżna:
“Ma tantx hawn min jirrestawra hawn Malta. U jaqa’ wisq pressjoni ta’ xogħol fuq ċertu grupp żgħir ta’ nies. Il-biċċa tax-xogħol hekk qiegħda. Fuq ir-restawr tal-Gilding ma tantx hawn, speċjalment restawr ta’ knejjes u affarijiet antiki”.
Is-Sur Spiteri kien wieħed mill-artisti li ngħataw il-Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti waqt id-disa’ edizzjoni taċ-Ċerimonja.
L-isptar Monte Karmeli kien ukoll fost ir-rebbieħa wara li ġie ppremjat għal sensiela ta’ wirjiet u attivitajiet li ttellgħu bl-għajnuna tal-pazjenti tal-isptar.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kummerċ Christian Warr saħaq li saru bosta miżuri sabiex l-artiġjanat jingħata iżjed prominenza f’pajjiżna:
“Mill-bidu ta’ din is-sena niedejna ċertifikati ġodda għall-artiġġjana nfushom. Dawn iċ-ċertifikati għandhom code speċifika fuqha, li dawn jitwaħħlu mal-prodotti tagħhom allura wieħed b’mobile app jista’ jiscanjahom u jkun jaf x’hemm, x’għandu iktar l-artiġġjan innifsu. Pero aħna imbgħad nirreklamaw l-app. Diġà qassamna ‘l fuq minn 36,000 minnhom dawn u se nqasmu iktar”.
Il-Ministru Chris Cardona, saħaq li l-Gvern huwa kommess li jkompli jaħdem għall-aħjar tas-settur tal-artiġjanat f’pajjiżna. Evidenza ta’ din il-ħidma huwa l-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-tal-villaġġ tas-snajja’ f’Ta Qali.