Sabiex jiġi ċċelebrat il-117 -il sena mit-twaqqif tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, nhar il-Ġimgħa li ġejjin, 23 ta’ Ġunju, se jittella’ programm mużikali bl-isem ta’ “Ilsienna” fil-bitħa tal-Każin San Gejtanu.
Dan il-programm, li kif jixhed ismu, huwa mimli kollu mużika Maltija, se jibda fis-7.30pm u se jkun taħt id-Direzzjoni tas-Surmast Direttur tal-Banda San Gejtanu, Mro. Jonathan Borg FLCM.
Fost il-bċejjeċ mużikali li se jindaqqu hemm il-‘Festa Maltija’ ta’ Joseph Abela Scolaro, ‘Sinfonija Thiene’ ta’ Tano Monseigneur, ‘L-Imnarja’ ta’ Carmelo Pace, “L-għolja tal-Ġonna’ ta’ Ray Sciberras, ‘Kemm hu sabiħ’ ta’ Sammy Bartolo, ‘Id-dar tan-nanna’ ta’ Corazon Mizzi u ħafna aktar.
Waqt dan il-programm se jkun hemm is-sehem tal-kantanti Corazon Mizzi u Tiziana Calleja.
Il-pubbliku inġenerali huwa mistieden għal dan il-programm u d-dħul tiegħu huwa b’xejn.
Dan il-programm qed jittella’ permezz ta’għajnuna mill-Kunsill Malti għall-Arti, RVC Lighting u Indsound.
L-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, nhar is-Sibt li ġejjin, l-24 ta’ Ġunju, tagħlaq 117 -il sena mit-twaqqif tagħha propju nhar il-festa ta’ San Ġwann il-Battista.