Il-miġja tal-Papa f’pajjiżna mhux biss intlaqgħet b’idejn miftuħa iżda f’kull rokna fir-rotta tal-Papa Franġisku f’pajjiżna, wieħed seta’ faċilment jilmaħ serbut ta’ nies li nġabru bi ħġarhom biex isellmu lis-suċċessur ta’ San Pietru.
Il-folol nġemgħu fl-inħawi tal-Floriana mal-wasla tal-Papa Franġisku f’pajjiżna u mad-dawra tal-Port il-Kbir hu u jagħmel triqtu lejn il-gżira Għawdxija.
Fuq ponot subgħajhom stennew b’ħerqa l-iskorta tal-Papa u esprimew magħna xi tfisser għalihom din iż-żjara tant speċjali f’pajjiżna.
“Huwa avveniment importanti għal pajjiżna naħseb jien. Hija xorti li ġie jarana wkoll. Bħala poplu aħna dejjem il-fidi tajniha importanza speċjalment meta nkunu f’xi kriżi.”
“Il-Papa Franġisku, anki t-tagħlim tiegħu juri l-umiltà tiegħu.”
“Ħadna gost bih. Ilna nistennewh.”
“Ħaġa sabiħa. Jien din hija t-tielet grazzja li ħa nara lill-Papa mill-viċin.”
“Hija avveniment sabiħ ħafna. J’Alla jiftagħlna l-barka għax għandna bżonn bħalissa, id-dinja kollha mhux Malta biss. Ħaġa sabiħa, esperjenza sabiħa wkoll.”
Din iż-żjara ma ntlaqgħetx biss minn dawk aktar kbar fl-età iżda kisbet l-interess ta’ dawk fost l-iżgħar fostna.
“Il-Papa hija xi ħaġa speċjali li ġie hawn Malta dal-Papa għax mhux ta’ kuljum ħa jiġi l-Papa u tkun tista’ tarah hawn Malta.”
“Il-Papa ngħidlu li ‘aħna qegħdin warajk’, ‘aħna nħobbuk’.”
“Xi ħaġa sabiħa li narawha.”
Filwaqt li l-miġja fiha nnifisha ġabet sens ta’ ferħ, bosta jinsabu bit-tama biex iż-żjara ssarraf ukoll f’paċi u għaqda.
“Nispera li jġib naqra paċi u barka hawnhekk. Għandna bżonn bħalissa.”
“Iġibilna l-paċi u ferħ. Jien hekk inħossha.”
“Ħa jibgħat messaġġ tajjeb li aktarx kellu bżonn kulħadd jisma’ l-kelma tiegħu għax irid l-għaqda.”
“J’Alla tkun ta’ barka għall-Maltin kollha.”