Il-mistoqsijiet dwar kif kien possibbli li l-Perit David Pace, li jokkupa Uffiċċju Pubbliku fi ħdan dak tal-Ombudsman, fl-istess waqt kien Perit fuq applikazzjoni li minnha seta’ daħħal xi flus, qajmet suspetti ta’ kunflitt ta’ interess sa’ mill bidu, mill-organizazzjoni Flimkien ghal Ambjent Aħjar, li f’ appell għall applikazzjoni innutat numru ta’ irregolaritajiet fil-proċess.
Fil-fatt fl-appell għall-applikazzjoni, li tressqet minn Miriam Cremona, f’ isem l-organizazzjoni, jitqajmu mistoqsijiet dwar kif kien possibbli li l-Perit David Pace, li jokkupa Uffiċċju Pubbliku fi ħdan dak tal-Ombudsman, fl-istess waqt kien Perit fuq din l-applikazzjoni.
Ksur ċar ta’ artiklu erbgħa tal-att dwar l-Ombudsman li jgħid li l-Ombudsman m’għandu jagħmel ebda xogħol bi qligħ li jista jkun ukoll inkompatibbli mal-irwol tiegħu.
Intqal ukoll li potenzjalment isem il-perit fuq l-applikazzjoni setgħet serviet ta’ pressjoni indiretta fuq uħud mill-membri tal-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar li approvawha. Jekk din l-allegazzjoni tirriżulta li hi veritiera, David Pace ikun kiser liġi oħra.
Flimkien għal Ambjent Aħjar irrimarkaw kif l-applikant, kien assigura lill-ġirien fi triq it-Teatru l-Antik fil-Belt Valletta, li ma kienx se jkollu problema jikseb permess. Dan filwaqt li kien diġà beda x-xogħolijiet u jonfoq fil-post, xhur qabel mal-MEPA ikkunsidrat l-applikazzjoni biex il-maħżen jinbidel għal bejjiegħ tal-ħut.
Għaldaqstant kien innutat li l-perċezzjoni ġenerali tal-komunità lokali, sa minn xhur qabel ma beda jinstema’ l-każ, kienet li l-permess kien diġà f’ idu. Għaliex, fi kliemhom, l-ebda persuna moħħa f’ postha ma kienet se tidħol għal dik l-ispiża mingħajr ma jkollu konferma li l-permess inkiseb.
Il-MEPA ma sabet xejn ħażin b’ din l-applikazzjoni u llum il-post jopera skont il-permessi mehtiega.
L-irwol ta’ Pace f’dan kollu wassal għal-ilment anonimu, li wasal għand il-Prim ministru, il-Kap tal-Oppozizzjoni u l-Ispeaker, il-kummissarju għall-ambjent, David Pace, qed jaffaċja l-akkuża li seta’ daħħal xi flus mill-professjoni ta’ perit fl-istess żmien li kien qed iservi f’ din il-kariga kostituzzjonali.
Xi ħaġa li mhux biss hi illegali iżda li titfa’ dawl ikrah fuqu bħala l-okkupant ta’ din il-kariga sensittiva.