Rapport ieħor tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma sabx lill-Prim Ministru Robert Abela ħati ta’ ksur ta’ etika. Dan ftit tal-jiem wara li, f’rapport ieħor, li sar fil-konfront ta’ numru ta’ membri tal-Kabinett, ukoll ma nstabux ħatja ta’ ksur ta’ etika.
Dan l-aktar rapport riċenti, li kien hemm deċiżjoni dwaru, ġie ppubblikat il-Ġimgħa filgħodu u kien beda wara ilment ta’ Arnold Cassola u l-Għaqda Studenti tal-Liġi.
L-ilment kien sar għax il-Prim Ministru Robert Abela tkellem f’diskors pubbliku dwar pieni ħorox f’każi li xxokkjaw lill-pajjiż. Fil-fatt dan kien f’perjodu fejn, wara żewġ inċidenti, il-Prim Ministru tkellem pubblikament dwar il-ħtieġa ta’ messaġġ ċar mill-qrati Maltin.
F’diskussjoni pubblika hu kien irrefera wkoll għal dak li ntqal lilu minn membru tal-ġudikatura dwar is-sentenzi marbutin.
Wara li investiga u daħal fid-dettall, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, ma sabx ħtija min-naħa tal-Prim Ministru kif allegat minn min għamel l-ilment.
Il-Prim Ministru wieġeb għall-ilmenti fil-konfront tiegħu u, fost oħrajn, qal li “hu minnu li d-diskors inkwistjoni jittrasmetti messaġġ li l-Qrati għandhom jagħtu sentenzi ħorox f’każi bħal dak indikat, iżda s-separazzjoni tal-poteri ma tfissirx li politikant ma jistax jikkummenta, b’mod ġenerali, dwar il-ġustizzja u, fuq kollox, jirrifletti l-opinjoni pubblika fuq inċidenti xokkanti bħal dawn.”
Wara li investiga, il-Kummissarju qal li “dan l-Uffiċċju ma jistax jikkonkludi li kien hemm ksur ta’ etika abbażi tal-informazzjoni li għandu disponibbli.”