Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li għat-tielet sena konsekuttiva, is-sezzjoni tal-Animal Welfare fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ser tmexxi l-inizjattiva ta’ Pet Friendly Holiday, dan wara s-suċċess li nkiseb bl-istess inizjattiva fis-snin preċedenti.
Permezz ta’ din l-inizjattiva dawk kollha li ser jiġu Għawdex bejn it-Tnejn, 12 u s-Sibt 17 t’Awwissu u jkunu akkumpanjati mill-annimali domestiċi tagħhom, ser jingħataw pet ticket maħruġ apposta flimkien ma’ pakkett ta’ informazzjoni utli f’każ ta’ bżonn. Apparti hekk, il-Ministeru għal Għawdex ser jieħu ħsieb jipprovdi ilma addattat għall-annimali domestiċi fit-terminals kemm taċ-Ċirkewwa kif ukoll dak tal-Imġarr.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-Ministeru għal Għawdex qed jinvesti bis-sħiħ biex ikollna servizzi u faċilitajiet li jixirqu lill-annimali tagħna. Qalet kif matul din is-sena l-Ministeru għal Għawdex investa f’ambulanza ġdida, f’running area fix-Xewkija, dog park fil-park tal-familja magħruf bħala Ta’ Sopu fin-Nadur kif ukoll kampanja ta’ neutering għall-qtates u dalwaqt għallklieb, l-inizjattiva tal-adozzjoni tal-annimnali u bil-pakkett relattiv kif ukoll u tagħrif dwar it-trobbija tal-annimali domestiċi.
Heidi Grech mill-Animal Welfare tal-Ministeru għal Għawdex qalet li fis-sajf hemm tendenza li aktar annimali jiġu abbandunati u kien għalhekk li s-sezzjoni ħasbet biex torganizza kampanja ta’ għarfien kontra l-abbandun u l-moħqrija tal-annimali flimkien ma’ kampanja ta’ informazzjoni dwar is-servizzi offruti f’Għawdex.