Il-ħamsin impjegat fl-impjant għat-trattament tal-ilma f’Ta’ Barkat fix-Xgħajra – li jirċievi tmenin fil-mija tad-drenaġġ f’pajjiżna, għaddejjin bl-aħħar irtokki biex fil-ġranet li ġejjin jiġi inawgurat proġett b’investiment ta’ aktar minn tnejn u għoxrin miljun ewro.
Investiment li se jissarraf f’servizz bl-isem ta’ New Water – li jwassal ilmà ta’ kwalità eċċellenti b’livelli li jisbqu l-istandards neċesserji għand ħames mija u ħamsa u tmenin bidwi fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Richard Bilocca spjega ma’ ONE News li mal-impjant primarju u sekondarju – li jsaffu l-ilma mis-solidi u mill-kimiċi biex jintrema’ l-baħar paripassu mal-istandards mitluba mil-liġijiet Ewropej, ġie installat impjant ta’ trattament terzjarju – li bih, minflok ma jintrema’ l-baħar, l-ilma se jgħaddi minn sistema ta’ filtrazzjoni ġdida bi tliet proċessi ewlenin. Hu qal li “Ultrafiltration fejn jitneħħa kull tip ta’ solidu li jkun hemm, imbagħad hemm sistema ta’ reverse osmosis biex l-ilma nneħħulu kull tip t’affarijiet li ma rridux li jkunu hemmhekk, u għandna sistema ta’ UV filtration fejn l-ilma jgħaddi minn tubu kbir fejn kwalunkwe bacteria li jkun hemm tinqatel.”
Dan il-proċess mhux biss se jgħin lis-settur agrikolu, iżda se jissarraf ukoll f’benefiċċji sostenibbli għall-ilma tal-pjan.
Spega li “Kull litru ilma li se jkunu qed jużaw il-bdiewa minn dan l-impjant huwa litru inqas miġbud mill-ilma tal-pjan jiġifieri bħala korporazzjoni flok qegħdin naraw lill-bdiewa bħala problema, lill-bdiewa qed nagħtuhom alternattiva b’saħħitha u aħjar milli għandhom illum biex nagħtu break lill-water table tagħna biex tkun tista’ tirriġenera.”
Investiment bla preċedent, li iżda jista’ jisfa fix-xejn jekk ikun hemm nuqqas t’attenzjoni mill-pubbliku.
Filfatt, is-Sur Bilocca spjega mad-drenaġġ ġielu waslu prodotti ta’ iġene personali, kontraċettivi, wipes, biċċiet tal-art u saħansitra anki annimali mejta.
Affarijiet b’materjal ta’ ħsara kbira għax jekk il-kwalità tad-drenaġġ ma tkunx tajba, l-impjant ma jkunx jista’ jitħaddem.
Bilocca qal li “Fix-xhur li ġejjin, anki ġimgħat, ħa jkunu qed joħorġu tenders biex fin-naħa t’isfel ta’ Malta nespandu n-network. Bħalissa hemm sistema t’open channels li hija antika, għandha bżonn li tingħata ftit ħajja. Din ħa tibda tinbidel matul ix-xhur li ġejjin fejn ħa jkun hemm sistema ta’ netwerk bħalma għandna fil-Mellieħa fejn il-bdiewa bil-card ikunu jistgħu jieħdu l-ilma minn dispensers.”
Barraminnhekk se jiġu tranġati s-soqfa ta’ ħames ġibjuni biex jiġi żgurat li fihom ma jaqa’ l-ebda materjal li jista’ jxekkel il-kwalità tal-ilma.
Dan il-proġett imur id f’id ma’ dak tal-Mellieħa – li minnu bbenefikaw aktar minn mitejn bidwi, u dak t’Għawdex – li jgawdu minnu aktar minn erba’ mitt bidwi. Biex ġaladarba jibda jitħaddem dan il-proġett fix-Xgħajra, b’kollox ikunu qed jibbenefikaw aktar minn elf u seba’ mitt bidwi fil-gżejjer Maltin.