Il-programm televiżiv ta’ kuljum Espresso, illum il-Ħamis 14 t’Ottubru 2021 qiegħed jiċċellebra l-1,500 programm. Espresso huwa programm li issa daħal fis-seba’ skeda tiegħu u sa mill-bidu tiegħu dejjem ġie mxandar fuq ONE. Il-programm kien beda fit-28 ta’ Settembru 2015, dak iż-żmien bi preżentazzjoni ta’ Wayne Aquilina u Pawla.
”Mill-2015 ‘l hawn, il-programm baqa’ jixxandar kuljum, inkluż fiż-żminijiet tal-festi, sjuf u anke waqt l-aktar ġranet diffiċli tal-pandemija. Espresso s’issa ma waqaft qatt! Il-programm u n-nies involuti jinbidlu; Preżentaturi, mistiedna, sponsors, tim tal-produzzjoni, krew tekniku u oħrajn iżda dejjem żammejt f’moħħi li fejn huwa possibli, nibqa’ qrib ta’ ħafna nies li jsegwuna kuljum. Għaldaqstant illum inrodd ħajr lil dawk li b’xi mod jew ieħor kienu jew huma parti minn din l-esperjenza ta’ kuljum”
Wayne Aquilina – Preżentatur u Produttur ta’ Espresso
Illum Espresso huwa mmexxi minn Wayne Aquilina, flimkien mal-karattru komiku ta’ Agnes Pandolfino u anke bis-sehem tal-preżentattriċi Josette Sciberras. Il-programm huwa ta’ wens u kumpanija tliet siegħat kuljum waqt in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu bejn id-9:30am u n-12:30pm.