Illum waranofsinhar mistenni jasal f’pajjiżna b’arrest Adrian Hillman.
Sorsi li tkellmu ma’ ONE News spjegaw li Hillman se jkun qed jasal f’pajjiżna illum wara li fl-aħħar jiem ġie arrestat fir-Renju Unit u tressaq quddiem Qorti Ingliża biex jiġi estradit lejn Malta.
L-eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers, mistenni jitressaq il-Qorti ta’ Malta u jaffaċċja akkużi kriminali marbuta ma’ ħasil ta’ flus.
Dan ifisser li b’kollox tliet diretturi tal-kumpanija responsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times mistennija jkunu fl-iżbarra jaffaċċjaw akkużi kriminali.
Dawn huma Vince Buhagiar, eks Direttur Maniġerjali, Michel Rizzo, li sa ftit tal-ġimgħat ilu kien Direttur Maniġerjali tal-kumpanija tat-Times u wara ssospenda ruħu u issa Adrian Hillman, li kien ukoll Direttur Maniġerjali tal-Allied.
Fl-aħħar jiem, l-Avukat ta’ Hillman, Stefano Filletti ġie kkwotat jgħid li l-klijent tiegħu mill-ewwel għarraf lill-awtoritajiet bil-post fejn kien u għandu l-intenzjoni li jikkollabora tul il-proċess.
Il-każ idur fuq numru ta’ allegazzjonijiet dwar l-operat tal-kumpanija tat-Times u r-relazzjoni tul is-snin bejn it-tmexxija tal-kumpanija u negozji oħra, partikolarment bejn Adrian Hillman u Keith Schembri.
Hu mifhum ukoll li Hillman għandu rabtiet mad-Deputat Nazzjonalista Mario De Marco.
Apparti li Hillman kien il-bestman fit-tieġ ta’ De Marco, id-Deputat Nazzjonalista huwa membru fil-Kunsill tal-Fondazzjoni Strickland, ix-shareholder ewlieni tal-kumpanija tat-Times, Allied Newspapers.